Knisja Kultura Lokali Mużika

Il-kwartet tal-korda tar-‘Rotterdam Ensemble’ f’kunċert fil-Knisja ta’ Lapsi

Kunċert kommemorattiv li jfakkar lill-martri tal-libertà tal-istampa

Żorna lill-kwartet tal-korda mir-Rotterdam Ensemble waqt li kienet qed tikkunċerta l-Adagio popolari ta’ Samuel Barber fost mużika riflettiva li se tindaqq f’kunċert fil-Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan, is-Sibt fit-8 ta’ filgħaxija.

Jidderieġi lil dan il-kwartet kien hemm is-Surmast Direttur, Roberto Beltran Zaval,a li tana iktar tagħrif dwar din l-orkestra professjonali Olandiża:

“Ir-Rotterdam Ensemble hija orkestra da camera bbażata f’Rotterdam, l-Olanda u twaqqfet madwar 10 snin ilu minn grupp ta’ studenti żgħażagħ tal-konservatorju t’hemm. Illum il-ġurnata nsibu mużiċisti magħżula minn fost l-aqwa orkestri Ewropej. Il-mużiċisti li se naraw f’dan il-kunċert f’Malta huma l-Ġermaniż Nicolai Bernstein bħala vjolin prim, il-Belġjana Eline Pauwels bħala vjolin sekond, Hara van Amersfoort fuq il-vjola u Wijnand Hulst fuq iċ-ċello.”

Fost is-suċċessi riċenti li kisbet din l-orkestra nsibu t-tnedija  tar-rekording Essential Music Series is-sena l-oħra ma’ BIS Music, l-iktar record label prominenti fl-Ewropa. Huwa qalilna kif dan huwa s-7 kunċert tagħhom f’pajjiżna, grazzi għall-kooperazzjoni li sabu mingħand Dr. John Vassallo u Dr. Marianne Noll.

Vassallo, li qed itella’ dan il-kunċert t’għada, fiehem aħjar x’inhuma l-għanijiet ta’ dan il-kunċert:

“L-ewwel għan huwa li jikkommera ġurnalisti fl-Islovakkja u f’Malta li mietu għal-libertà tal-espressjoni. Fl-istess ħin se nkunu qed ngħinu lill-Knisja ta’ Lapsi li għandha bżonn flus sabiex tirrestawra 4 pitturi sbieħ ħafna tas-Seklu 17 li juru lill-4 Evanġelisti. Dan il-kunċert se jiġi rrekordjat ukoll sabiex jibqa’ tifkira għal kull min se jattendi.”

Flimkien mal-kwartet jingħaqdu l-mezzosopran Claire Ghigo, il-klarinettista Jessica Ellul u Jennifer Melville fuq l-oboe bħala solisti.

Is-Surmast Olandiż elabora magħna dwar il-mużika riflettiva magħżula minn perjodi mużikali differenti għall-kunċert:

“Il-kunċert jibda bl-Adagio for Strings ta’ Samuel Barber, oriġinarjament magħrufa bħala t-tieni moviment li kiteb għall-kwartet tal-korda. Imbagħad ngħaddu għall-mużika kiebja Crisantemi ta’ Giacomo Puccini u ssegwi s-silta profonda u popolari Death and the Maiden ta’ Franz Schubert, liema silta toffri sfida kbira għall-kwartet tal-korda.”

Il-kunċert jagħlaq b’Intrutina mill-Carmina Burana ta’ Carl Orff, arja popolari għal sopran, u 2 siltiet ta’ Gustav Mahler, Urlicht. Sehr feierlich, aber schlicht. mir-4 moviment tat-2 sinfonija, u l-poema spiritwali I am lost to the world.

Wieħed jista’ jirriserva post billi jibgħat email fuq knisjalapsi@gmail.com, iċempel fuq 79703139 jew jikseb biljetti mal-bieb tal-Knisja ta’ Lapsi qabel il-kunċert.