Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jkun qed jipparteċipa fil-mixja ta’ solidarjetà li se ssir għada għall-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija. Dan permezz ta’ delegazzjoni li se tirrappreżentah f’din il-mixja li qed tiġi organizzata wara l-inċident li fih kien involut il-kuntistabbli Simon Schembri.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna illi dejjem kien kontra kull forma ta’ vjolenza li ssir fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija, li ta’ kuljum jissograw ħajjithom sabiex jagħtu l-ogħla forma ta’ sigurtà lin-nies. Din il-ħidma tingħata b’sagrifiċċju u dedikazzjoni li jagħtu kemm il-membri tal-Korp kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom.
Tħabbar ukoll li anke l-UĦM Voice of the Workers se tieħu sehem fil-mixja ta’ solidarjetà mall-membri tal-Korp tal-Pulizija fil-Belt Valletta. Din il-Union iddeċidiet li tagħmel dan għax il-pulizija, bħal ħaddiema oħrajn li jagħtu servizz lill-pubbliku, għandhom jiġu trattati b’rispett u b’dinjità waqt il-ħidma tagħhom.
Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers qed tħeġġeġ lill-pubbliku, partikularment lill-membri tagħha, sabiex jingħaqdu f’dan l-avveniment ta’ solidarjetà.
L-istess appell għall-parteċipazzjoni f’din il-manifestazzjoni sar mill-Forum Unions Maltin.
//= $special ?>