Il-White Paper għall-Att tal-Care Workers maħruġa mill-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika għanha bażi mill-ideat imnedija minn Gvern Nazzjonalista preċedenti. Dawn l-ideat kienu intiżi fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards għoljin għal diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa u l-kura tal-anzjani.
Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista Maria Deguara.
L-istqarrija tgħid illi gvernijiet Nazzjonalisti kellhom viżjoni ċara għall-istrutturar u t-tkabbir tas-servizzi soċjali, b’għarfien tal-bżonn ta’ riformi f’settur li dejjem qiegħed jikber. Dan wassal biex il-professjonisti u l-paramediċi jiġu regolarizzati bi strutturi taħt l-amministrazzjoni tal-Awtorità.
Wara żieda fid-domanda u l-operaturi tal-care workers f’dawn l-aħħar żmien, il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb li tkabbir seħħ f’vakum ta’ linji gwida, standards u regolarizzazzjoni tas-settur.
In-nies, sostna l-PN, qed jistennew li dan l-Att iwassl sabiex tgħola l-kwalità ta’ kull min huwa impenjat iwassal servizz f’settur vulnerabbli tas-soċjetà bħalma huma l-anzjani u l-morda. Il-Partit Nazzjonalista iħeġġeġ biex jitressqu l-ideat waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni.
//= $special ?>