Lokali

Imut Jake; iż-żagħżugħ li kellu nuqqas ta’ ossiġnu fid-demm

Il-videos tiegħu kienu riflessjoni tal-kuraġġ li kellu biex jibqa' jikkomunika

Niket fuq il-media soċjali wara li fl-aħħar sigħat sar magħruf li miet iż-żagħżugħ Jake Cutajar – żagħżugħ li kien iħobb iwassal messaġġi u videos ta’ kuraġġ u riflessjoni permezz tal-paġna tiegħu fuq Facebook.

Jake kien ukoll intervistat riċentament mill-paġna The People of Malta.

“Ix-xewqa tiegħi hi li niltaqa’ mal-Papa imma minħabba l-kundizzjoni tiegħi ma nistax naqbad l-ajruplan u nsiefer. Għandi kundizzjoni li m’għandix biżżejjed ossiġnu fid-demm. Wieħed mill-iżgħar persuni f’Malta b’din il-kundizzjoni. Nispera li forsi l-Papa xi darba jiġi Malta”, kien qal Jake.

Jake kien iħobb jikkolezzjoni l-istatwi tal-qaddisin, u kien iħobb il-mużika sagra.

“Jiena għandi kollezzjoni ta’ statwi. Minn meta kont żgħir kont dilettant tal-istatwi. Missieri kien jarma fil-festa ta’ Bormla. Ftit minnhom nixtrihom u ftit jagħtuhomli bħala rigal. Kieku kienu ta’ veru qishom it-tfal tiegħi, dejjem innaddafhom u nirranġahom.”