L-eks-spjun Russu, Sergei Skripal, ħareġ mill-isptar, xahrejn wara li hu kien spiċċa vvelenat b’kimika tossika, fl-inħawi ta’ Salisbury.
Skripal, li għandu 66 sena, kien instab, mitluf minn sensih, fuq bank, fl-4 ta’ Marzu. Miegħu kien hemm bintu, Yulia, li bħalu spiċċat ivvelenata u li wkoll instabet mitlufa minn sensiha. Huma kienu ttieħdu l-isptar ta’ Salisbury fejn inżammu għal żmien fit-taqsima għall-kura intensiva u sakemm il-kundizzjoni tagħhom saret stabbli.
Wara, sar magħruf li l-element velenuż li huma spiċċaw esposti għalih kien jismu Novichok, b’Yulia Skripal toħroġ mill-isptar fid-9 ta’ April. Hi, bħalissa, qed tgħix f’lokalità sigrieta. Intant, kelliema mediċi qalu, issa, li Sergei Skripal, ‘il quddiem ‘għandu jkompli jirkupra barra l-isptar’.
Il-każ ta’ Skripal u bintu kien qajjem tensjoni kbira bejn ir-Renju Unit u r-Russja, bil-Gvern Britanniku jakkuża lil Moska ‘għall-attakk fuq l-eks-spjun’. Il-Prim Ministru Theresa May kienet ikkundannat l-inċident bi kliem iebes ħafna waqt li l-Gvern Russu ċaħad kull sehem fil-każ u akkuża lir-Renju Unit b’li qed jivvinta l-istejjer.
Fl-2006, Skripal, eks-kurunell, kien weħel 13-il sena ħabs fir-Russja talli għadda l-identitajiet tal-ispjuni Russi fl-Ewropa lis-servizzi sigrieti tar-Renju Unit. Intant, Skripal, fl-2010, kien parti minn skambju ta’ priġunieri bejn Moska u l-Istati Uniti u maż-żmien hu sar residenti f’Salisbury.
//= $special ?>

