Il-Palazz ta’ Kensington ikkonferma li l-Prinċep Charles se jakkumpanja lil Meghan Markle sal-artal meta l-attriċi Amerikana, għada, tiżżewweġ lill-Prinċep Harry, iben Charles, u tissieħeb formalment fil-Familja Rjali Britannika.
Fl-aħħar jiem u ġimgħat kien hemm stennija u tħejjijiet kbar għall-hekk imsejjaħ ‘Tieġ tas-Sena’; u l-kontroversji ma naqsux, b’mod partikulari wara li missier Meghan, Thomas Markle, ikkonferma li hu ma setax jattendi għaċ-ċerimonja ta’ bintu, fil-Kastell ta’ Windsor, wara li kellu jagħmel kirurġija f’qalbu.
Intant, issa hu ċert li l-Prinċep Charles se jwassal lill-attriċi sal-artal, bi stqarrija mill-palazz issostni li ‘il-Prinċep ta’ Wales hu kuntent li jista’ jilqa’ b’dan il-mod lil Meghan Markle bħala membru ġdida tal-familja’.
Fi żviluppi oħra, il-Palazz ta’ Buckingham ikkonferma li l-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh u missier Charles, se jkun preżenti għat-tieġ ta’ Harry u Meghan. Philip, li għandu 96 sena, fl-aħħar jiem, kien qed jirkupra minn operazzjoni f’ġenbu.
F’dawn il-ġranet waslu Londra kwantità kbira ta’ ‘fans’ tal-Familja Rjali u li assistew għal diversi avvenimenti biż-żwieġ irjali bħala tema prinċipali. Avveniment li attira mijiet ta’ tfal u ġenituri kien il-prova għall-purċissjoni bil-karozzelli, fost il-briju u l-entużjażmu tal-pubbliku.
Iċ-ċerimonja taż-żwieġ irjali tibda għada wara nofsinhar u se tixxandar madwar id-dinja.
//= $special ?>

