Internazzjonali

Iżrael akkużat dwar ‘qawwa sproporzjonata’ mal-Palestinjani

L-Uffiċjal Ewlieni għad-Drittijiet Umani man-Nazzjonijiet Uniti, Zeid Raad Al Hussein, qal li Iżrael, jiem ilu, spiċċa juża ‘qawwa fuq livell għal kollox sproporzjonata’ mad-dimostranti Palestinjani li kienu qed jipprotestaw mal-fruntiera u fejn spiċċaw imutu ‘il fuq minn 100.

Al Hussein, li kien qed jitkellem waqt sessjoni ta’ emerġenza f’Ġinevra, fl-Iżvizzera, qal li r-residenti fil-Medda ta’ Gaza ‘huma priġunieri ta’ sitwazzjoni velenuża’ u li ‘għandha tintemm l-okkupazzjoni ta’ Gaza mill-Iżraeljani’.

Intant, l-ambaxxatur ta’ Iżrael għan-NU, Aviva Raz Shechter, ċaħdet il-ħtija għan-nom ta’ pajjiżha u sostniet li ‘l-Iżraeljani u ċertament mhux il-militanti tal-Hamas ( li jikkontrollaw Gaza) kienu pruvaw jevitaw il-ħsara għaċ-ċivili’. Hi kompliet li l-Hamas ‘kien ipperikola, dolożament, il-ħajja tan-nies’ waqt il-konfronti mal-fruntiera.

In-Nazzjonijiet Uniti issa qed tikkunsidra li ssir investigazzjoni indipendenti. Dan wara li xi 60 Palestinjan, nhar it-Tnejn, inqatlu mill-qawwiet Iżraeljani waqt is-seba’ ġimgħa konsekuttiva ta’ protesti mal-fruntiera ta’ Iżrael u Gaza.

Il-protesti kienu mmexxija, fil-parti kbira, mill-Hamas, u l-jum tat-Tnejn kien l-aktar wieħed imdemmi għal Gaza miż-żmenijiet tal-gwerra tal-2014 bejn l-Iżraeljani u l-militanti fit-territorju.

Sadanittant, Zeid qal li hu favur li ssir investigazzjoni ‘internazzjonali, indipendenti u imparzjali’ dwar l-aħħar vjolenza f’Gaza. Hu sostna wkoll li ‘irid iħallas kulmin kien responsabbli għall-abbuż ta’ kriterji stabbiliti għall-protezzjoni ta’ ċivili’.

Il-Gvern ta’ Iżrael, min-naħa tiegħu, qed jirreferi għal ‘terroristi li jridu jużaw dawn it-tipi ta’ protesti biex jaħbu l-vera skop li jinfiltraw għal territorju Iżraeljan fejn jistgħu jmexxu l-attakki’