Lokali Parlament

Kwart ta’ miljun għall-mobiles ta’ 6 persuni fil-Ministeru tal-Ekonomija

Fis-Segretarjat tal-Prim Ministru hemm 17-il persuna li għandhom il-kont tal-mobile imħallas mill-Gvern

F’ħames snin, in-nefqa ta’ telefonati minn mobiles użati fil-Ministeru tal-Ekonomija ammontat għal kważi €241,000. Din l-informazzjoni ħarġet wara Mistoqsija Parlamentari li saret mid-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieig.

Skont l-informazzjoni li ingħatat, hemm 6 persuni fil-Ministeru ta’ Chris Cardona li għandhom il-mobile imħallas mit-taxxi pubbliċi. Fosthom hemm il-Ministru innifsu.

Iċ-ċifra li ingħatat tfisser li bħala medja, kull individwu li għandu mobile imħallas mill-Gvern (inkluż il-Ministru) qed itella’ kont ta’ €8,000 fis-sena f’telefonati u messaġġi.

Interessanti l-fatt li anke s-Segretarjat f’Kastilja nefaq bħala total l-istess ammont ta’ flus għall-mobiles minn April 2013 ‘l hawn. In-nefqa tas-Segretarjat tal-Prim Ministru kienet ta’ €250,000. Iżda d-differenza hi li dan il-kont ta’ kwart ta’ miljun irid jinqasam fuq 17-il persuna, u mhux 6.

Ir-risposta li ingħatat fil-Parlament tindika li hemm 17-il persuna fis-Segretarjat ta’ Muscat li għandhom il-kont tal-mobile imħallas mill-Gvern.