Internazzjonali Knisja

L-Isqfijiet Ċileni joffru r-riżenja tagħhom lill-Papa Franġisku

Tikber il-kriżi għall-Knisja Kattolika fiċ-Ċili hekk kif illum tħabbar illi 34 Isqof Ċilen li kienu fil-Vatikan għal laqgħat mal-Papa matul din il-ġimgħa minħabba l-iskandlu tal-abbużi offrew ir-riżenji tagħhom.

Fl-istqarrija li ħarġu, l-Isfqijiet Ċileni qalu li poġġew il-pożizzjonijiet tagħhom f’idejn il-Papa u se jħallu f’idejh biex jiddeċiedi għal kull wieħed minnhom.

Fl-istqarrija huma offrew apoloġija lill-poplu Ċilen, lill-vittmi tal-abbuż u lill-Papa għal dan l-iskandlu.

Għadu mhux magħruf jekk il-Papa hux se jaċċetta jew le dawn ir-riżenji.

Kien l-Arċisqof Charles J Scicluna illi aktar kmieni din is-sena preżenta rapport lill-Papa Franġisku dwar din is-sitwazzjoni fiċ-Ċili, wara laqgħat li kellu Mons. Scicluna innifsu ma’ uħud mill-vittmi tal-abbuż.