Internazzjonali

AĠĠORNATA: Studenti mbikkma; Bejn tmienja u għaxar mejta wara sparatura fi skola ta’ Texas

Preżenza kbira ta' Pulizija fil-High School ta' Santa Fe

 

Fl-Istati Uniti, numru ta’ nies inqatlu fi sparatura oħra fi skola u meta l-vittmi kienu jinkludu studenti u membri tal-istaff.

L-inċident qattiel seħħ fl-iskola għolja ta’ Santa Fe, fl-Istat ta’ Texas, u l-pulizija fl-inħawi, wara, arrestaw student fost il-paniku u l-konfużjoni. Qed jingħad li fl-isparatura mietu bejn tmienja u għaxar persuni li l-maġġoranza tagħhom kienu studenti.

Filwaqt li l-pulizija dehru f’kontroll tas-sitwazzjoni ma kienx eskluż li ċ-ċifra tal-vittmi tiżdied fis-sigħat li jmiss. Ingħad ukoll li talanqas membru tal-korp qed ikun trattat għall-ġrieħi fost indikazzjonijiet li l-pulizija kienu qed iżżommu tieni persuna biex tgħinhom bl-istħarriġ.

L-ewwel rapporti qalu li ‘xi ħadd armat b’senter kien daħal fi klassi u beda jispara fost il-kaos’ . Mal-ħin, bdew jaslu fuq il-post il-pulizija, flimkien ma’ membri tal-bomb squad, waqt li diversi midruba twasslu lejn l-isptar bil-ħelikopters.

Proprju għada, f’din l-iskola, kellha ssir ċerimonja għall-gradwazzjoni tal-istudenti u meta l-awtoritajiet federali, bħalissa, qed jikkoordinaw mal-uffiċjali lokali huma u għaddejjin bl-investigazzjonijiet fl-iskola inkwistjoni u l-madwar.

Il-President Amerikan, Donald Trump, f’messaġġ, ikkundanna l-qtil tal-massa u esprima solidarjetà mal-qraba tal-vittmi.

Rapporti tal-istazzjon ABC, qabel, indikaw li l-aggressur kien għamel żmien fi klassi, b’xhieda fl-inħawi jgħidu li semgħu “numru ta’ tiri”.

Aktar tard, l-Assistent Prinċipal tal-iskola qalet li l-istudent li spara ġie arrestat.

L-inċident seħħ fit-7:40am, ħin Amerikan. Wara l-isparatura, l-istudenti kollha ġew trasferiti f’gym fil-viċin.

Fi Frar li għadda, kien inħoloq kaos sħiħ f’din l-istess skola f’Santa Fe wara rapport falz ta’ sparatura.