Sport Sport Ieħor

Nadal fis-semifinali tal-Masters ta’ Ruma

Rafael Nadal wara r-rebħa kontra Fabio Fognini (Ritratt: EPA)
Jegħleb lil Fabio Fognini f'sagħtejn u 14-il minuta

Rafael Nadal kompla l-mixja tiegħu lejn ir-rebħ tal-Masters ta’ Ruma għat-tmien darba wara li ssielet biex għeleb lil Fabio Fognini biex għadda għas-semifinali.

Nadal tilef l-ewwel qabel ma rkupra biex rebaħ 4-6, 6-1, 6-2 u kkwalifika mal-aħħar erbgħa għall-għaxar darba u għall-ewwel darba mill-2014.

“Hu lagħab tajjeb. Għamilt ftit żbalji fl-ewwel set, iżda beda jilgħab veloċi ħafna u beda jmur għall-konklużjonijiet mingħajr ma jfalli. Tefa’ lili taħt pressjoni u għamilt xi żbalji. Mhux suppost kelli nitlef żewġ services iżda ġrat. L-unika ħaġa stajt nagħmel hu li naċċettaha u nkompli naħdem għas-set li jmiss,” qal Nadal.

L-Ispanjol faħħar il-folla preżenti fejn qal li kien hemm atmosfera sabiħa u kienet ġurnata sabiħa biex jintlagħab it-tennis. Nadal deher li seta’ jirbaħ l-ewwel set meta f’mument minnhom kien 4-1, qabel ma’ Fognini bl-appoġġ tal-partitarji dawwar il-logħba meta rebaħ ħames logħbiet konsekuttivi biex rebaħ l-ewwel set.

Nadal ħareġ aktar aggressiv fit-tieni set u reġa’ mar 4-1 minn fuq, iżda din id-darba baqa’ għaddej u rebaħ it-tieni set 6-1 fi 33 minuta. Fognini deher għajjien fit-tielet set u Nadal ħa vantaġġ biex ħa vantaġġ ta’ 3-1. It-Taljan sid numru 21, beda jagħmel minn kollox biex iżomm is-set kompetittiv. Hu żamm id-distakk sa break qabel ma għajjat lit-tabib tiegħu biex jikkura ftit l-irkoppa.

It-Taljan għamel wisq unforced errors, b’Nadal jagħlaq il-logħba f’sagħtejn u 14-il minuta. Jekk jirbaħ f’Ruma, Nadal jerġa’ jitla’ fil-quċċata tar-rankings.

F’dan l-istaġun fuq it-tafal, Nadal diġà rebaħ il-11-il titlu f’Monte Carlo u Barcelona, iżda tilef fil-kwarti tal-finali fl-aħħar tliet snin fl-Italja.

Tags