Lokali Qorti

Persuni jitressqu l-Qorti wara li ħeġġew mibegħda fil-konfront tal-Pulizija

Dawk li jagħmlu użu mill-midja soċjali iridu jkunu aktar prudenti x’jagħmlu u x’jiktbu online u għandhom jirrealizzaw li għal dak li jiktbu iridu jerfgħu r-responsabiltà tiegħu.

Saħaq dan il-Maġistrat Joe Mifsud waqt li kien qed jagħmel referenza għal kawżi li saru fil-konfront ta’ tliet persuni li kitbu kliem ta’ mibegħda fuq Facebook wara l-inċident li fih kien involut l-kuntistabbli Simon Schembri.

Fil-fatt quddiem il-Qorti tressqu Ritmarc Borg ta’ 28 sena, Kylie Cutajar ta’ 21 sena u Josef Damato ta’ 24 sena li lkoll wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti għajjiet minn dawn is-sitwazzjonijiet u diġa ġibdet l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta’ edukazzjoni dwar kif tintuża l-midja soċjali. Ta’ kuljum, anke nies li għandhom ċertu responsabiltà itellgħu posts qabel jaħsbu u mingħajr ma jirrealizzaw li għandhom responsabiltà, speċjalment meta jkunu jirrappreżentaw ċeri istituzzjonijiet.

Hu qal li l-qorti tifhem x-xokk li l-pajjiż għadda minnu wara l-inċident tat-Tlieta imma l-pajjiż jaħdem bis-saltna tad-dritt għaliex hu pajjiż ċivilizzat, imma attakki bħal dawn jimminaw l-ordni fil-pajjiż.