Il-Maġistrat Joe Mifsud dalgħodu kellu kliem iebes fil-Qorti hekk kif quddiemu kellu żewġ żgħażagħ li kienu akkużati bil-pussess ta’ 400 gramma kannabis. Huma nqabdu lbieraħ fi Pjazza Tritoni, bil-Qorti tiddeċiedi li ż-żgħażagħ għandhom jinżammu arrestati.
Iż-żgħażagħ huma Shannen Grech ta’ 20 sena mill-Belt u Zayne Cassar ta’ 17-il sena mill-Furjana. Cassar waħdu kien akkużat bit-traffikar tal-istess droga.
Il-Maġistrat Joe Mifsud kellu kliem iebes meta ġie biex jispjega għaliex ma tax il-ħelsien mill-arrest, fejn sostna li bħala Qorti, qed tara kif inbidlet is-soċjetà. “Qabel fil-passat kien isir kaos fuq pussess ta’ ftit droga – ilum qed naraw każ li fih żewġ żgħażagħ instabu fil-pussess ta’ kważi nofs kilo droga.”
Joe Mifsud saħaq illi jrid issir xi ħaġa fil-pajjiż. “Mhux nara dibattiti fuq kwistjonijiet ta’ veru. Ma nistgħux bħala ġudikatura nsibu aħna s-soluzzjoni għal kull problama fil-pajjiż. Il-forzi tal-ordni iridu jingħaqdu flimkien u mhux jiġġieldu fuq ħmerijiet”.
Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest biż-żewġ żgħażagħ jitbagħtu fil-Faċilità taż-Żgħażagħ YOURS fl-Imtaħleb.
“It-tnejn li huma għandhom jibqgħu ġewwa biex jitgħallmu”, saħaq Joe Mifsud.
//= $special ?>