Lokali

Tiftaħ il-maratona ta’ Puttinu

Il-maratona ta’ Puttinu Cares se tkun qed tixxandar b’mod dirett fuq NET Television

Fi tmiem il-ġimgħa fil-Marsa Sports Ground se tkun qed tittella’ l-erbatax-il edizzjoni tal-maratona ta’ Puttinu Cares. Maratona li se tkun mifruxa fuq tliet ijiem b’attivitajiet immirati li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Jispikka l-iktar l-isport b’mod partikolari l-futbol.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, kien hemm preżenti studenti minn diversi skejjel minn madwar Malta u Għawdex.

Fl-edizzjoni tal-maratona ta din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem b’kollox mat-800 tim tal-futbol. Timijiet magħmula minn diversi gruppi ġejjin minn kumpaniji differenti jew saħansitra gruppi ta’ ħbieb li jkunu qed jilagħbu waqt li jagħmlu ġest ta’ solidarjetà ma dawk fil-bżonn tal-għajnuna minn Puttinu Cares.

Il-poplu sa issa diġa investa tmien miljun ewro fl-appartamenti li Puttinu għandhom f’Sutton f’Londra. It-talba għall-għajnuna minn Puttinu fl-aħħar snin żdiedet minn bejn għoxrin u tletin pazjent fix-xahar għal bejn sittin u disgħin pazjent fix-xahar.

Issa Puttinu se tkun qed tidħol għall-proġett ieħor kbir biex tkompli ttejjeb is-servizzi li toffri f’Londra fejn se tkun qed tagħmel investiment ta’ bejn 16 u 20 miljun ewro f’bini ta’ appartamenti ġodda biex ikunu jistgħu jakkomodaw aktar pazjenti li jiġu bżonn il-kura f’Londra.

Il-maratona ta’ Puttinu Cares se tkun qed tixxandar b’mod dirett fuq NET Television.