Lokali

Tintlaqa’ t-talba tal-Familja Caruana Galizia biex tintervjeni f’kawża li fetaħ Alfred Degiorgio

Il-Qorti aċċettat talba mill-Familja Caruana Galizia biex tkun tista’ tintervjeni f’kawża li fetaħ wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex iwaqqaf l-FBI milli tagħti x-xhieda tagħha.

Attentat minn Alfred Degiorgio biex ma jħallix li aġenti tal-FBI jagħtu x-xhieda tagħhom kienu deskritti bħala manuvra ddisprata biex Degiorgio jipposponi jew saħansitra jwaqqaf il-proċeduri fil-konfront tiegħu.

F’kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, l-avukat William Cuschieri, li qed jirrappreżenta lil Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu, saqsa jekk il-klijent tiegħu hux se jingħata rimedju f’każ li d-drittijiet tiegħu jiġu miksura.

Il-kawża qed tibbaża fuq il-punt li l-Qorti qabdet lil Martin Bajada bħala l-espert biex jiġbor l-informazzjoni mid-data elettronika, informazzjoni li tista’ tkun kruċjali f’din il-kawża.

L-avukat Cuschieri qed jgħid li minħabba li l-esperti barranin ħadmu ma dan l-espert tal-Qorti u minħabba li Bajada fil-passat kellu xi kawżi kontrieh f’Londra, kif inhu mistenni minn kull espert tal-Qorti dan irid ikun ta’ kondotta tajba, xi ħaġa li skont l-avukat Cuschieri, Bajada m’għandux.

L-avukat Cuschieri qed jargumenta li kif il-familja kellha trid li tbiddel il-maġistrat inkwerenti, l-akkużat Alfred Degiorgio għandu dritt li jitlob biex l-espert tal-qorti ma jkollux passat kriminali.

Min-naħa tal-Avukat Ġenerali, l-avukat Maurizio Cordina ddeskriva din il-mossa tal-akkużat Alfred Degiorgio bħala mossa ddisprata biex itawwal jekk mhux iwaqqaf il-proċeduri kontrieh.