Lokali

Tnaqqis ta’ aktar minn 30% fil-profitti għal-lukandi ta’ ħames stilel

Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, irriżulta tnaqqis ta’ aktar minn 30% fil-profitti għal-lukandi ta’ ħames stilel meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet. Irriżulta wkoll tnaqqis ta’ aktar minn 6% fil-profitti għal-lukandi ta’ erba’ stilel.

Dan ħareġ minn stħarriġ ikkummissjonat mill-kumpanija Deloitte għall-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti Maltin (MHRA), li kien ippreżentat lill-Ġurnalisti u lil dawk relatati mas-settur.

Fl-istħarriġ irriżulta tnaqqis ukoll fit-tul medju tal-vaganza f’pajjiżna, fejn irriżulta tnaqqis ta’ 0.3%, għalkemm kien hemm żieda fin-nefqa tat-turisti. L-aktar turisti f’pajjiżna ġew mill-Ġermanja, mir-Renju Unit u mill-Italja rispettivament.

Iżda mit-turisti li żaru pajjiżna fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, irriżulta tnaqqis ta’ 8.5% fil-lukandi ta’ ħames stilel.

L-istħarriġ tratta wkoll lir-ristoranti u għalih kienu intervistati 51 ristorant madwar Malta u Għawdex. Hawn irriżulta fost l-oħrajn li 14% rrappurtaw riżultati negattivi meta mqabbla mal-istess tal-2017, għalkemm fuq skala ġenerali, il-profitabbiltà kienet waħda sostanzjali.

Dwar l-impjiegi, kien innutat li 56% tal-impjegati fir-ristoranti intervistati huma barranin. Dan is-suġġett kien il-qofol ukoll ta’ diskussjoni, li matulha ħareġ ċar it-tħassib fis-settur għall-ammont qawwi ta’ ħaddiema barranin, partikolarment dawk li mhuxġejjin minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta ħabbar li sal-aħħar ta’ Marzu, f’pajjiżna kien hawn madwar 42,000 ħaddiem barrani, fosthom 12,000 li ġejjin minn pajjiż mhux membru fl-Unjoni Ewropea. Spjega wkoll kif matul is-sena l-oħra nħarġu 7,300 permess tax-xogħol lil barranin, filwaqt li fl-ewwel tliet xhur tal-2018 kienu diġà nħarġu 2,500 permess tax-xogħol.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tad-Diviżjoni tal-Impjiegi f’Jobs Plus Mario Xuereb qal li din is-sena kien hemm 2,600 applikazzjoni fix-xahar għal liċenzja ta’ impjieg – żieda ta’ 1,000 fix-xahar għall-istess perjodu fl-2016 u fl-2017.

Din l-informazzjoni wasslet lill-General Manager ta’ lukanda ewlenija Peter Rieks, li qal li s-sitwazzjoni tal-impjiegi f’Malta hi waħda diżastruża. Bl-istess mod, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal li l-problema hi kbira, kif kienet diġà sa tliet snin ilu.

L-attività kienet indirizzata mill-President tal-MHRA Tony Zahra, li appella għas-sostenibbiltà fis-settur.

F’isem l-Assoċjazzjoni, hu ppreżenta numru ta’ suġġerimenti lill-Gvern, bit-tama li jintlaħqu tmien objettivi partikolari. Fost l-oħrajn, l-MHRA qed tappella li jinħoloq masterplan dwar it-turiżmu li jwassal sal-2040.

Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tas-sezzjoni tas-Servizzi Bankarji Elettroniċi tal-Bank of Valletta, Ivo Camilleri, spjega l-benefiċċji abbinati mas-servizz tal-Contactless Card. Dan qabel ma kien iffirmat ftehim biex il-Bank ikun wieħed mill-isponsors tal-MHRA.