Il-proposti tal-MEP Malti ġew approvati f’Rapport dwar il-Futur tal-Ikel u l-Biedja
Bdiewa li qed jaffaċjaw sfidi żejda minħabba restrizzjonijiet speċifiċi minħabba li ġejjin minn gżejjer u minn reġjuni partikolari, għandhom jingħataw konsiderazzjonijiet speċifiċi. Din kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ressaq l-MEP Francis Zammit Dimech, u li kienet approvata mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet issa jkunu nklużi f’rapport dwar il-Futur tal-Ikel u l-Biedja. Dan qed isir f’mument importanti qabel il-Politika tal-Agrikoltura tal-Unjoni Ewropea li se tiddetermina l-flus tal-Unjoni Ewropea għall-agrikoltura wara s-sena 2020.
Zammit Dimech fakkar kif minn meta ġie elett fil-Parlament Ewropew, hu kien mitlub mill-bdiewa biex iressaq it-tħassib tagħhom fuq livell Ewropew, speċjalment fid-dawl li ebda MEP Malti mhu membru tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Agrikoltura. Matul l-aħħar ġimgħat, hu ltaqa’ ma’ diversi bdiewa u produtturi biex jisma’ l-ħsibijiet tagħhom. Zammit Dimech qal li l-bdiewa esprimew id-diżappunt tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mad-dewmien fil-pagamenti. Dwar dan, hu qal li l-politika l-ġdida għandha twassal għal finanzjament aktar mgħaġġel, ġust u effiċjenti.
Zammit Dimech ħadem mill-qrib mar-Rapporteur Herbert Dorfmann, li sejjaħ għal “simplifikazzjoni tar-regolamenti u biex il-paper work għall-bdiewa jkun aktar faċli.” Dorfmann emfażizza li “l-mudell tal-PPE hu li tkun salvagwardjata l-produzzjoni ta’ prodotti lokali fl-għelieqi tal-familji fl-Ewropa.”
Zammit Dimech fakkar kif bdiewa żgħażagħ spjegaw id-diffikultajiet tagħhom għall-aċċess għat-terren. Hu qal li l-politika li jmiss dwar l-agrikoltura għandha tappoġġja aħjar il-bdiew żgħażagħ biex ikun assigurat il-futur tal-produzzjoni tal-ikel Ewropew. Dwar dan, Zammit Dimech propona inizzjattivi li jgħinu bdiewa żgħażagħ biex ikollhom aċċess għat-terren, li jinkludi ppjanar tas-suċċessjoni. Hu tkellem ukoll dwar il-bżonn li jkunu protetti art verġni mill-iżvilupp, u fakkar kif art agrikolari qegħda dejjem tispiċċa taħt theddida, u li kieku ma kienx għall-isforz tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, medda kbira ta’ art verġni f’Bulebel f’Malta kienet tintilef.
Il-bdiewa qed jinsistu wkoll għal kumpens ġust għal dak li jiproduċu, kif ukoll għal ugwaljanza fost il-bdiewa, li jinkludu l-bdiewa li ġejjin minn familji żgħar. Zammit Dimech qal li hu kruċjali li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provista tal-ikel, biex jiġi assigurat prezz affordabbli għall-ikel għaċ-ċittadini u l-konsumaturi, u biex tiġi promossa dieta b’saħħitha.
Zammit Dimech qal li flimkien mal-kollegi tiegħu fil-Grupp tal-PPE, hu se jaħdem biex jassigura li l-budget attwali għall-agrikoltura jiżdied u miżmum biex ikun ċert li l-għanijiet jinħalqu. Zammit Dimech wiegħed li se jibqa’ jisma’ t-tħassib tal-bdiewa u jkun il-vuċi tagħhom fil-Parlament Ewropew. Hu qal li fi tmiem il-ġimgħa se jerġa’ jkun Għawdex biex jiltaqa’ mal-bdiewa u l-produtturi.
//= $special ?>