Lokali

Żewġ Libjani akkużati bil-qtil ta’ Libjan ieħor

Żewġ irġiel Libjani inżammu arrestati wara li tressqu quddiem il-Qorti akkużati bil-qtil ta’ Libjan ieħor aktar kmieni din il-ġimgħa.

Ramzi Abdulhafid Abukem u Hamza Kamel Bakoush ġew akkużati bil-qtil ta’ Mahmoud Elmejdi fi Triq il-Kappillan Mifsud, il-Ħamrun.

L-irġiel kienu akkużati wkoll li ftehmu biex iwettqu d-delitt, żammew ir-raġel kontra l-volontà tiegħu, ġarrew sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-Pulizija, kienu fil-pussess ta’ arma waqt li wettqu delitt u ħsarat fi propjeta.

Abukem waħdu kienu akkużat ukoll li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet tal-bail filwaqt li Bakoush kien akkużat li hu riċediv.

Quddiem il-qorti iż-żewġ akkużati baqgħu siekta u kienet il-qorti stess li ddikjarat li l-akkużati qed isostnu li mhux ħatja kif tobbligaha il-liġi.

L-avukati tal-akkużati Arthur Azzopardi u Kathleen Calleja Grima ma talbux lill-qorti għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.

Kien nhar it-Tnejn 14 ta’ Mejju li għal ħabta tad-disgħa neqsin kwart ta’ filgħodu l-Pulizija kienet infurmata li f’residenza fi Triq il-Kappillan Mifsud il-Ħamrun kien hemm persuna mitluf minn sensih u fejn kellu anke demm ħiereġ minn ħalqu.

Il-vittma ddaħħal l-isptar fejn mill-ewwel irrżulta li kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu. Fil-fatt jidher li l-Libjan kellu ġrieħi permezz ta’ daqqiet ta’ oġġett iebes kif ukoll kellu feriti li jidhru li saru permezz ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta. Huwa miet il-Ħamis filgħaxija.