Lokali

Eluf jingħaqdu fil-Belt Valletta b’appoġġ lejn il-Pulizija

Eluf ta’ persuni s-Sibt filgħodu nġabru fil-belt Valletta f’mixja ta’ solidarjetà mal-uffiċjali tal-korpi dixxiplinati f’pajjiżna, b’mod speċjali l-Pulizija, li ripetutament qed jisfaw vittmi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Mixja li għaliha attenda wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia akkumpanjat mid-deputati parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u uffiċjali tal-partit bħala turija ta’ solidarjetà u appoġġ lill-uffiċjali tal-Korp.

Il-mixja ssejħet mill-unions li jirrappreżentaw lill-Pulizija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija, il-Police Officers Union kif ukoll il-union li tirrappreżenta lill-uffiċjali rtirati wara li l-Kuntistabbli Simon Schembri safa’ mtajjar minn żagħżugħ ta’ 17-il sena bil-konsegwenza li qed jiġġieled għal ħajtu bi ġrieħi serji ħafna.

Fil-mixja, li għaqqdet flimkien nies minn kull aspett tas-soċjetà, kif ukoll lil diversi unions f’pajjiżna, fosthom wasslet għajta ta’ solidarjetà, fost oħrajn bil-preżenza wkoll tal-mexxejja ta’ pajjiżna.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, f’kummenti lill-midja, iddikjara li jinsab kommoss meta jara massa bħal din f’appoġġ lill-Korp. Wiegħed ukoll sapport lill-familja ta’ wieħed mill-iktar vittmi riċenti tal-Korp, il-Kuntistabbli Simon Schembri.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Cutajar iddikjara wkoll li hu favur polza tal-assigurazzjoni lill-Pulizija, għalkemm qal li ma jistax jagħmel kollox f’daqqa u wiegħed li din se tidħol fis-seħħ fiż-żmien li ġej.