Internazzjonali

Eżerċizzji miċ-Ċina f’reġjun delikat

Iċ-Ċina, għall-ewwel darba, niżżlet l-ajruplani militari f’territorju polemikuż fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar, bl-Istati Uniti twissi li din l-azzjoni kapaċi tiddistabbilizza lir-reġjun.

L-ajruplani Ċiniżi kienu jinkludu bombers għal fuq id-distanzi twal u li ħadu sehem f’eżerċizzji partikulari biex itejjbu l-kapaċitajiet tagħhom.

Il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar jipprovdi rotta importanti għat-trasport tal-kummerċ u numru ta’ pajjiżi fir-reġjun, inkluża ċ-Ċina, qed jinsistu bid-drittijiet territorjali rispettivi fiz-zona.

Iċ-Ċina, intant, hi akkużata b’li qed tirrikorri għall-mezzi militari biex tinsisti bid-drittijiet tagħha, bl-aħħar manuvri bl-ajruplani tal-gwerra mistennija jipprovokaw tensjoni ġdida fir-reġjun.