Lokali

Il-PN kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis għal użu rikreattiv

Il-Partit Nazzjonalista huwa kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis għal użu rikreattiv.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said tenna l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett waqt dibattitu dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis li kien organizzat f’Għawdex miċ-Circolo Gozitano.

Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-vittmi tad-droga jingħataw għajnuna u mhux kastig u fakkar fid-diversi inizjattivi li ha Gvern Nazzjonalista biex jgħin lill-vittmi tad-droga – fost dawn it-twaqqif ta’ diversi aġenziji bħall-Oasi u l-Caritas.

Chris Said fakkar li, fil-kariga tiegħu bħala Ministru għall-Politika Soċjali, nieda Politika Nazzjonali dwar id-Droga bis-sehem ta’ numru ta’ esperti fil-qasam. Huwa fakkar li l-PN huwa favur l-użu tal-kannabis mediċinali u l-produzzjoni tal-kannabis mediċinali f’pajjiżna.

Fid-dibattitu ħadet sehem is-Segretarju Paralamentari Julia Farrugia li qalet li l-Gvern irid itemm il-konsultazzjoni tiegħu dwar dan is-suġġett sa tmiem din is-sena u qalet li l-kannabis se tkun legalizzata għal persuni ta ‘l fuq minn 21 sena u li jkunu miktuba f’reġistru. Qalet ukoll li l-kannabis se tkun tista’ tinxtara minn postijiet ikkontrollati mill-gvern.

Fl-istess dibattitu kemm l-Alternattiva Demokratika kif ukoll l-oragnizzazzjoni Releaf  kienu  favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis. Minn naħa l-oħra l-OASI u l-Partit Nazzjonalista tennew il-pożizzjoni tagħhom kontra l-legalizzazzjoni tal-Kannabis għal użu rikreattiv.

Chris Said saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra il-legalizzazzjoni tal-kannabis għal użu rikreattiv għax meta wieħed isaqsi lilu nnifsu jridx li uliedu jieħdu l-kannabis, ir-risposta tkun le. Huwa fakkar li f’pajjiżna għaddejja kampanja qawwija kontra t-tipjip u  l-legalizzazzjoni tal-kannabis ixxejjen għal kollox din il-kampanja.

Huwa staqsa jekk il-legalizzazzjoni tal-kannabis hijiex biss reazzjoni minħabba li pajjiżna falla fil-gwerer tiegħu kontra d-droga. Huwa rrefera ukoll għal dak li xehed espert tossikologu barrani fil-Qorti ta’ Għawdex din il-ġimgħa meta tkellem fuq l-effetti devastanti li l-kannabis tħalli fuq il-moħħ partikolarment meta tkun imħallta mal-akoħol.