Internazzjonali

Isir it-tieġ Irjali tal-Prinċep Harry u Meghan Markle

Ir-Renju Unit qed jiċċelebra ż-żwieġ tal-Prinċep Harry ma’ Meghan Markle li sar kmieni wara nofsinar u li tmexxa bi stil differenti minn ta’ ċerimonji simili tal-Familja Rjali minkejja li żamm ftit jew wisq mat-tradizzjoni.

Il-koppja, minn issa, ‘il quddiem, se tkun magħrufa bħala d-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex, b’Harry u Meghan qed jissimbolizzaw l-element ġdid u modern tal-Familja Rjali b’aċċenn għad-diversità.

Għaċ-ċerimonja taż-żwieġ f’Windsor  attendew ir-Reġina Eliżabetta u membri oħra tal-Familja Rjali li kienu fost is-600 mistiedna. Preżenti kien hemm ukoll il-preżentatriċi Amerikana tat-talk-shows, Oprah Winfrey; l-attur George Clooney; l-eksplejer tal-futbol David Beckham u martu Victoria; u l-kantant-pjanista leġġendarju Sir Elton John.

Meghan kellha jassistuha għaxar bridesmaids u pageboys, waqt li l-libsa tat-tieġ tagħha kienet desinjata minn Clare Waight Keller għad-dar tal-moda Franċiża, Givenchy.

Il-Prinċep Charles, bħalma tħabbar qabel, akkumpanja lil Markle lejn l-artal wara li missier l-attriċi, Thomas, ma setax jattendi minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Ir-Reverendu David Conner, id-Dekan ta’ Windsor, mexxa s-servizz waqt li Michael Curry, l-Isqof Ewlieni tal-Knisja Episkopali, li ġej minn Chicago, fl-Istati Uniti, seraq l-attenzjoni ta’ kulħadd b’diskors twil u impressjonanti. Hu tkellem, fost oħrajn, dwar is-saħħa tal-imħabba, bil-messaġġ qawwi tiegħu wkoll jitqies bħala kisra sinifikanti mit-tradizzjoni  Rjali.

Element ieħor differenti waqt iċ-ċerimonja kienet il-mużika, fejn Karen Gibson u The Kingdom  Choir interpretaw il-kanzunetta klassika Stand By Me, tal-mibki kantant tas-soul, Ben E King.

Meta l-Prinċep u Meghan iffirmaw ir-reġistru, iż-żgħażugħ Sheku Kanneh-Mason interpreta siltiet ta’ mużika klassika bil-vjolinċell, fejn kien akkumpanjat mill-mużiċisti tal-BBC National Orchestra of Wales; l-English Chamber Orchestra u l-Philharmonia. Intant, instemgħet l-interpretazzjoni ta’ Amen/This Little Light of Mine mill-kor, waqt li l-Prinċep u l-għarusa kienu ħerġin mill-kappella.

Wara s-servizz, id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex ivvjaġġaw bil-karozzell tul rotta, f’Windsor, fost l-applawż minn għexieren ta’ eluf ta’ nies preżenti. Hu kalkulat li ‘il fuq minn 100,000 persuni żaru Windsor  biex jattendu għall-avveniment irjali.

Aktar tard fil-ġurnata, is-600 mistiedna—fosthom membri tal-Familja Rjali,  personalitajiet sportivi u oħrajn mid-dinja tat-televiżjoni u l-ispettaklu – attendew riċeviment f’St George’s Hall, li tmexxa mir-Reġina Eliżabetta.

Il-politiċi tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ma kenux mistiedna għaż-żwieġ ta’ Harry u Meghan, peress li dan ma kienx avveniment Statali. Iżda xi 1,200 membru tal-pubbliku, li ħafna minnhom huma magħrufa għall-ħidma b’riżq il-karità, kienu mistiedna biex jidħlu fl-artijiet ta’ Windsor għal waqt iċ-ċerimonja.