Lokali

Issir il-wirja l-kbira tar-Rebbiegħa fil-Ġonna ta’ San Anton

Il-Malta Horticultural Society qed tippreżenta il-wirja l-kbira tar-Rebbiegħa fil-Ġonna ta’ San Anton.

F’din il-wirja, li ser tkun miftuħa wkoll il-Ħadd, wieħed jista’ japprezza l-ġmiel tal-fjuri kif ukoll it-tjubija tal-frott u l-prodotti agrikoli ġenwini Maltin. Wieħed jista’ japprezza ukoll xogħolijiet ta’ fjuri li joħolqu oġġetti kreattiva bħal kpiepel.

Fil-wirja l-pubbliku għandu opportunità japprezza diversi arranġamenti tal-fjuri li saru b’dedikazzjoni, bi kreattività kbira u b’passjoni liema bħala mill-membri tas-soċjetà.

Il-wirja tinkludi wkoll diversi prodotti tal-ikel, esebiti fil-vażetti u fil-fliexken, bħalma huma l-għasel u ż-żejt taż-żebbuġa. Ma jonqosx ukoll numru ta’ xogħolijiet tal-artiġjanat.

Ittella’ wkoll programm ta’ divertiment, fosthom l-involviment ta’ skejjel taż-żfin u tal-mużika.

Il-Wirja Kbira tar-Rebbiegħa, hi ċelebrazzjoni vera tan-natura, tal-ilwien sbieħ u tal-ħajja. Il-qofol ta’ din il-wirja se jintlaħaq il-Ħadd filgħaxija biċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet.