Internazzjonali

Rebħa elettorali għal Sadr fl-Iraq

L-Alleanza ta’  Moqtada Sadr, l-ekskap tal-milizzji Xiti li snin ilu kien irribella kontra l-invażjoni tal-Iraq taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti, rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari f’pajjiżu.

Iżda Sadr, li hu kontra l-involviment tal-Iranjani fl-Iraq, ma jistax isir Prim Ministru peress li hu ma kkuntestax l-elezzjonijiet bħala kandidat. Madankollu, Sadr mistenni li jkollu xorta rwol kbir fil-formazzjoni ta’ Gvern ġdid f’Bagdad.

Intant, il-partit ta’ Haidar al-Abadi, li qed iwarrab mir-rwol ta’ Prim Ministru Iraqi, spiċċa t-tielet l-akbar forza politika fil-pajjiż, wara alleanza li hi favur l-Iran.

L-elezzjonijiet kienu l-ewwel mindu l-Iraq, f’Diċembru, iddikjara rebħa fuq it-terroristi tal-ISIS li damu x-xhur jokkupaw diversi bliet ewlenin. Sadanittant, ir-rebħa ta’ Sadr qed titqies bħala ritorn qawwi għal dan il-kap politiku-reliġjuż li kien ilu s-snin imwarrab mir-rivali politiċi lokali li huma appoġġjati mill-Iran.