Internazzjonali

It-tiġrif tal-Boeing f’Kuba: Jinvestigaw l-agħar traġedja tal-ajru fi 30 sena

L-awtoritajiet f’Kuba li qed jinvestigaw it-tiġrif tal-ajruplan Boeing 737 li seħħ fil-lejl tal-Ġimgħa fl-ajruport ewlieni ta’ Havana, ikkonfermaw li mietu ‘il fuq minn 100 persuna. L-aħħar rapporti qalu wkoll li salvaw biss tliet persuni li kienu fuq l-ajruplan, b’din tkun l-agħar traġedja tal-ajru f’Kuba, għal dawn l-aħħar 30 sena.

Il-Boeing iġġarraf  ftit wara li kien beda titjira domestika (lejn Holguin, fil-Lvant ta’ Kuba) mill-ajruport ita’ Jose Marti, fil-kapitali. Fuqu kien hemm 105 passiġġier, fosthom ħamest itfal u l-membri tal-ekwipaġġ. Intant, il-Gvernijiet tal-Messiku u l-Arġentina kkonfermaw li numru ta’ ċittadini tagħhom jinsabu fost il-vittmi tat-tiġrif.

Fl-aħħar sigħat, il-President ta’ Kuba, Miguel Diaz-Canel, sostna li l-awtoritajiet ta’ pajjiżu kienu għaddejjin, fost oħrajn, bil-proċess għall-identifikazzjoni tal-katavri.

Il-Gvern ta’ Kuba ddikjara jumejn luttu għall-vittmi u meta bħalissa, il-bandiera nazzjonali qed tittajjar mezz’asta barra l-istituzzjonijeit militari u tal-Istat.

L-aħħar rapporti qalu li kelliema fl-isptar ta’ Calixto Garcia, f’Havana, ikkonfermaw li, fl-aħħar sigħat, miet wieħed mill-erba’ vittmi tal-ajruplan li twasslu hemm b’urġenza. It-tlieta l-oħra, kollha nisa, kienu rappurtati f’kundizzjoni serja ħafna.

Numru ta’ sorsi, fl-istess ħin, qalu li l-ajruplan – li l-linja tal-ajru (ta’ Kuba) Cubana kienet qed tikri mingħand kumpannija żgħira Messikana bl-isem Damojh – deher li kellu l-problemi ftit tal-ħin wara t-tlugħ u, fejn, f’daqqa’, niżel lejn l-art b’veloċità sostanzjali.

Il-Messiku qal, intant, li se jibgħat l-investigaturi tiegħu mid-Direttorat tal-Aeronawtika Ċivili lejn Havana. Dan meta s-soltu — fil-parti kbira tal-inċidenti tal-ajru —  jridu jgħaddu x-xhur sakemm l-awtoritajiet jikkonkludu l-investigazzjonijiet relatati.