Lokali

Adrian Delia jżur il-Maratona ta’ Puttinu Cares

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia beda bl-ewwel żjara tiegħu waqt l-erbatax-il edizzjoni tal-maratona ta’ Puttinu Cares fejn iltaqa’ mal-voluntiera li kien hemm preżenti.

Wara, Adrian Delia flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli kienu mistieden biex jgħaddu l-messaġġi tagħhom.

Adrian Delia qal li Malta u Għawdex għandhom soċjetà li tgħin akkost ta’ kollox, bix-xogħol kollu li jsir favur Puttinu Cares isarraf f’xi ħaġa ta’ ġid.

Żied jgħid li minn vjaġġ ta’ tbatija toħroġ it-tama hekk kif wieħed jara tifel li ma setax jiġri iżda li issa jista’ jilgħab il-football u jiskurja. Hu qal dan b’riferenza għal Nigel Spiteri, it-tifel ta’ 11-il sena li kellu bżonn transplant tal-qalb iżda llum irkupra tant li rritorna għall-futbol u saħansitra ta bidu għall-maratona ta’ din is-sena.

Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli ngħaqad mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista billi qal li għandna soċjetà li bis-solidarjetà qed ningħaqdu iktar flimkien. Hu nnota b’mod speċjali kif il-ħeġġa għas-solidarjetà flok qiegħda tonqos, kull sena qiegħda tiżdied iktar.

L-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista taw donazzjoni ta’ elf ewro f’isem il-Partit Nazzjonalista lil Puttinu Cares.

Wara, Adrian Delia flimkien ma’ Clyde Puli daru lil dawk preżenti fost diversi attivitajiet għall-familja kollha, inkluż logħob għat-tfal.

L-organizzazzjoni Puttinu Cares bħalissa qed tiġbor il-flus b’mod speċjali għall-appartamenti li f’Londra. Issa Puttinu se tkun qed tidħol għal proġett ieħor kbir biex tkompli ttejjeb is-servizzi li toffri f’Londra fejn se tkun qed tagħmel investiment ta’ bejn 16 u 20 miljun ewro f’bini ta’ appartamenti ġodda biex ikunu jistgħu jakkomodaw aktar pazjenti li jiġu bżonn il-kura f’Londra.

Ritratti: Martin Aguis