Crotone kienu relegati għas-Serie B waral li tilfu kontra Napoli, filwaqt li Chievo, Udinese, Spal u Cagliari kollha rebħu l-logħbiet tagħhom. Miż-żona tar-relegazzjoni, sal-aħħar ġurnata kien għad fadal post miftuħ, b’ħames timijiet kollha setgħu jiġu relegati.
Napoli temmew l-istaġun b’rebħa f’darhom ta’ 2-1 li swiet ir-relegazzjoni ta’ Crotone. ARKIADIUSZ MILIK fetaħ l-iskor fit-23 minuta b’daqqa ta’ ras għar-rokna wara kross ta’ Lorenzo Insigne. L-iskor sar 2-0 disa’ minuti wara, b’JOSE CALLEJON ikompli għal ġewwa mill-viċin, wara kross ieħor ta’ Insigne. Crotone skorjaw lejn it-tmiem b’gowl għar-roka ta’ MARCO TUMMINELLO. B’din ir-rebħa, Napoli kisru r-rekord personali ta’ punti fis-Serie A b’total ta’ 91 punt.
Cagliari wkoll se jibqgħu fis-Serie A, wara li għelbu lil Atalanta 1-0. LUCA CEPPITELLI skorja l-gowl rebbieħ fis-87 minuta b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner.
Chievo għelbu lil Benevento 1-0 biex huma wkoll salvaw posthom fis-Serie A. ROBERTO INGLESE ddeċieda l-konfront b’gowl mir-rebound wara li Puggioni salva mingħajr ma żamm xutt pjuttost ċentrali.
Spal għalqu l-istaġun b’rebħa ta’ 3-1 fuq Sampdoria, biex b’hekk salvaw posthom fis-Serie A fl-ewwel staġun tagħhom. Penalty ta’ MIRKO ANTENUCCI poġġa lil Spal minn fuq wara erba’ minuti.
It-tim ta’ Semplici għalaq il-konfront fil-bidu tat-tieni taqsima, l-ewwel b’gowl ta’ ALBERTO GRASSI fil-50 minuta, u żewġ minuti wara, reġa’ kien MIRKO ANTENUCCI li skorja b’azzjoni personali. Sampdoria skorjaw l-gowl ta’ konsolazzjoni fis-66 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ DAVID KOWNACKI.
Udinese għelbu lil Bologna 1-0, bil-gowl deċiżiv jiġi skorjat b’xutt fil-baxx ta’ SEKO FOFANA man-nofs siegħa. B’hekk Udinese salvaw wara li ddiżappuntaw fit-tieni rawnd fejn saħansitra spiċċa tkeċċa l-kowċ Massimo Oddo.
Torino temmew il-kampjonat fuq nota pożittiva b’rebħa ta’ 2-1 fi Stadio Marassi kontra Genoa. Il-Granata fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob, b’Alex Berenguer iqassam lejn Andrea Belotti, li kompla għan-nofs b’intelliġenza lejn IAGO FALQUE li minn pożizzjoni ideali għeleb lil Mattia Perin.
It-tim ta’ Mazzarri rdoppja fit-58 minuta meta kross mix-xellug ta’ Cristian Ansaldi, sab lil DANIELE BASELLI li minn quddiem il-lasta, ma kellux problema jirdoppja. Genoa pruvaw isalvaw il-logħba għaxar minuti mit-tmiem. Cristian Molinaro tilef il-kontroll tal-ballun fid-difiża, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ GORAN PANDEV li qabbeż fuq Milinkovic-Savic.
Milan assiguraw li jtemmu l-kampjonat fis-sitt post, b’rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Fiorentina f’San Siro. Kienu l-Viola li fetħu l-iskor fl-20 minuta b’GIOVANNI SIMEONE jqabbeż fuq Gianluigi Donnarumma.
Reazzjoni immedjata ta’ Milan li tliet minuti wara ġabu d-draw bi free-kick ta’ HAKAN CALHANOGLU, u marru minn fuq fit-42 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ PATRICK CUTRONE.
NIKOLA KALINIC għamilhom 3-1 fid-49 minuta b’xutt minn rebound, u PATRICK CUTRONE żied ieħor mas-siegħa logħob. GIACOMO BONAVENTURA skorja l-ħames gowl b’azzjoni personali kwarta mit-tmiem.
//= $special ?>