Lokali

Emendi li se jwasslu sabiex il-Ministru waħdu jiddeċiedi meta ssir surrogacy – David Agius

Bl-emendi li qed iressaq il-Gvern għal-liġi tal-protezzjoni tal-embrijun se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm kontroll jew kundizzjonijiet fis-surrogacy. Issa se jkun il-Ministru li jiddeċiedi meta sseħħ surrogacy, bi żvantaġġ ovvju għal xi wħud.

Hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, tlett ijiem bogħod mill-vot parlamentari biex l-emendi li jrid il-Gvern jgħaddu mit-tieni qari.

David Agius qal li l-Gvern mhux jagħti każ l-għajta ta’ diversi gruppi mis-soċjetà ċivili u tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li qed jikkritikaw lill-Gvern għall-mod kif ħalla l-klawżola tas-surrogacy vaga. Sostna t-twemmin tiegħu li d-diskussjoni dwar dan is-suġġett kellha ssir qabel ma l-Liġi tressqet fil-Parlament u waslet fi stadju daqstant avvanzat.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-Gvern messu kellu diskussjonijiet interni dwar id-dettalji tal-Liġi biex ikun jista’ jwieġeb u mhux iħalli ħafna mistoqsijiet fl-imħuħ tan-nies. Iżda jidher ċar li l-kwistjoni dwar is-surrogacy inżammet vaga minħabba n-nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-Partit Laburista stess.

David Agius qal li jinsab konvint li hemm numru ta’ Deputati u Ministri Laburisti li huma kontra s-surrogacy u l-emendi ġenerali tal-Liġi.

Fil-fatt, jemmen li kieku l-Membri Parlamentari tal-Gvern ngħataw il-‘free-vote’, l-emendi kienu jispiċċaw ma jgħaddux. Madankollu, hu konxju li d-Deputati Laburisti jwettqu suwiċidju politiku jekk jesprimu l-pożizzjoni vera tagħhom fil-pubbliku.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista innota kif jekk ikun deċiż li s-surrogacy issir biss minn membri tal-familja, ikun ta’ diskrimazzjoni kontra dawk li m’għandhomx membri tal-familja li jkunu jistgħu jgħinuhom fit-tnissil tat-tarbija.

Sadanittant, l-emendi li qed tipproponi l-Oppożizzjoni se jkunu kkunsidrati fil-jiem li ġejjin.