Internazzjonali

Iħebbu għas-Sindku ta’ Thessaloniki

Yiannis Boutaris, ta’ 75 sena u li hu s-Sindku ta’ Thessaloniki – it-tieni l-akbar belt Griega – kellu jkun rikoverat l-isptar wara li grupp irġiel ħebbew għalih.
Boutaris kien qed jattendi għal ċerimonja li tfakkar il-qtil tal-Griegi etniċi mit-Torok fl-Ewwel Gwerra Dinjija meta grupp estremisti tal-lemin ħebbew għalih. Xi xhieda qalu li l-grupp għall-ewwel waddab il-flixken lejn is-Sindku u mbagħad, hekk kif dan waqa’ mal-art, huma għamlu għalih bis-sieq u bil-ponn.

Ix-xhieda qalu li għalkemm kien hemm xi pulizija preżenti għaċ-ċerimonja, ħadd minnhom ma intervjena.
Boutaris spiss ikun fil-mira ta’ kritika ħarxa mill-estremisti tal-lemin minħabba l-kummenti tiegħu dwar Iżrael, it-Turkija u l-Maċedonja. L-estremisti tal-lemin kienu qed joġġezzjonaw għall-preżenza ta’ Boutaris għaċ-ċerimonja peress li hu spiss faħħar personalitajiet storiċi Torok.
L-attakk kien ikkundannat bil-qawwa mill-klassi politika Griega.
Dan l-aħħar, il-Greċja rat żieda fl-attakki mill-estremisti tal-lemin.