Lokali

Il-Gvern ikompli jinjora l-qagħda mwiegħra li jinsab fiha l-ħabs ta’ Kordin

Min irabbi l-għasafar, min jinħareġ miċ-ċella qabel il-ħin u min jidħol fl-Administration bla ebda skorta

“Qed indaħħku n-nies bina… nilbsu uniformijiet qodma u li spiċċaw. Il-qlieżet ta’ wħud minna litteralment tilfu l-kulur. Waħidna niċċajtaw li bejnietna kapaċi ngħaqqdu karnival ta’ kuluri bl-uniformijiet tagħna. U dan biex ma nsemmux ukoll il-problema taż-żraben tas-servizz, li qed ikollna nixtruhom minn bwietna.”

Hekk beda biex qalilna Uffiċjal tal-Ħabs li f’nofs din il-ġimgħa tkellem magħna fit-tul dwar is-sitwazzjoni xejn sabiħa li jinsab fiha l-Ħabs ta’ Kordin.

“Alla jbierek, kulħadd jitkellem dwar kif is-sitwazzjoni fil-Ħabs hi sejra mill-ħażin għall-agħar. Iżda min hu responsabbli – mill-Ministru sat-Tmexxija tal-Ħabs – jibqa’ gallarija quddiem dan il-falliment kollu,” qalilna dan l-Uffiċjal, li magħna żvela diversi affarijiet ġodda dwar dak li qed isir fil-Ħabs.

“Għandna Aġent Direttur – Mariella Camilleri – li bosta drabi anqas biss tidher b’nemes. Għandna Correctional Manager – Saviour Lia – li anqas biss jersaq lejn ċerti Divisions għax litteralment jibża’. Għandna Kap tas-Sigurtà – Robert Edmonson – li minkejja li ddaħħal jaħdem il-Ħabs għaliex wera ċertifikati li juru li hu kkwalifikat fis-sigurtà, fil-verità ma hux. Apparti li hemm ukoll ċerti stejjer dwaru.

“Frattant, dan kollu u fid-dawl li l-Ħabs sejjer mill-ħażin għall-agħar – xhieda ta’ dan hu l-volum tad-droga li tkun innegozjata fil-Ħabs bejn il-priġunieri u terzi – il-Ministru Michael Farrugia u t-Tmexxija tal-Ħabs jibqgħu indifferenti,” żied jgħidilna dan l-Uffiċjal tal-Ħabs.

“Meta jaraw l-istejjer fuq il-mument, ħafna paniku… mhux paniku biex isolvu l-problemi jew biex tal-inqas jirranġaw l-affarijiet, imma biex jippruvaw jaqbdu lil min qed jgħaddilkom l-informazzjoni.

“Sadattant, l-abbużi jissuktaw… skartar minn ċerti uffiċjali li jaħsbu li għandhom saħħa kbira, uffiċjali li jidħlu u joħorġu mill-Ħabs għax spiss jinsew xi ħaġa fil-karozza! Imbagħad hemm ukoll xi uffiċjali li jmorru jixtru u jdumu ma jirritornaw… jekk ma jiħdux lil xi priġunier magħhom ukoll!”

Dan l-uffiċjal kompla li għal xi wħud, il-Ħabs hu tassew ħabs, iżda għal oħrajn – grazzi għal diskriminazzjoni sfaċċata – ma hu ħabs xejn. Hawnhekk, dan l-uffiċjal żvela kif saħansitra wieħed mill-priġunieri għandu kamra barra mid-Division, magħrufa bħala Masonry, li fiha jrabbi l-għasafar! “U f’din il-kamra partikulari ma jista’ jidħol ħadd. Hi maqfula b’katnazz u hu dan il-priġunier biss għandu aċċess għaliha.

“Aħna bejnietna nagħmlu numru ta’ mistoqsijiet:

● minn fejn u kif iddaħħlu dawn l-għasafar fil-Ħabs ta’ Kordin?

● L-Amministrazzjoni tal-Ħabs taf b’dan l-abbuż, jew wara kollox kienet hi stess li tat il-permess għal dawn l-għasafar u biex priġunier partikulari jżomm dawn l-għasafar f’kamra u li jkollu aċċess għaliha hu biss?

● Kif jiddaħħal l-ikel għal dawn l-għasafar?”

Dan l-uffiċjal tal-Ħabs żvela magħna wkoll abbuż ieħor li qed ikun permess regolarment: hemm priġunier partikulari li tinfetaħlu ċ-ċella aktar kmieni minn ta’ priġunieri oħra, bl-iskuża li jitħalla jmur jaħsel il-ħwejjeġ tiegħu fil-canteen meta dan kollu ma hux suppost li jsir.

“Mhux ovvja li aħna nistaqsu – kif wara kollox jistaqsu wkoll il-priġunieri – kif dan il-priġunier partikulari jitħalla jagħmel dan kollu? Għaliex dan qed jingħata trattament preferenzjali, iżda oħrajn ma jingħatawx l-istess trattamenti.”

L-uffiċjal tal-Ħabs li tkellem ma’ il-mument qalilna wkoll li mbagħad hemm priġunieri oħrajn li wkoll jingħataw trattament preferenzjali meta jitħallew imorru jieħdu t-tè u l-kafè f’uffiċċju ta’ wieħed mill-uffiċjali u joqogħdu hemmhekk jitkellmu. Hemm saħansitra priġunieri li bla skorta ta’ xejn joħorġu mid-Division tagħhom u jidħlu fl-Administration Block weħidhom.

Dan l-aħħar kien hemm każ ieħor li dwaru tkellmu bosta priġunieri u uffiċjali: persuna partikulari fid-dinja tad-drama nqabdet tittraffika d-droga u spiċċat il-Ħabs. Madankollu, din il-persuna minflok ingħatat trattament bħal dawk kollha li jinqabdu jittraffikaw id-droga, intbagħtet f’Division 8 flimkien mal-priġunieri b’sentenza fuq pedofelija.

Dwar dan tqajmu bosta mistoqsijiet. Iżda għal darba oħra, it-Tmexxija tal-Ħabs għażlet li tfarfar u taħrab mir-responsabbiltajiet li suppost iġġorr.