Lokali

Il-martri tas-7 Giugno 1919 kienu sitta u mhux erbgħa – tibda kampanja biex jiġu rikonoxxuti

Il-ġurnalist Dione Borg jitlob rikonoxximent ugwali lill-vittmi kollha tas-7 Giugno, sitta u mhux erbgħa, f’korrispondenza lill-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Din is-sena Malta qed tfakkar id-99 sena mill-irvellijiet tas-Sette Giugno 1919; irvellijiet li fihom mijiet ta’ Maltin irvellaw kontra l-awtoritajiet Ingliżi minħabba raġunijiet soċjali u politiċi. Irvellijiet li għadhom imnaqqxa fl-istorja ta’ Malta u mfakkra kull sena bħala festa nazzjonali.

Prattikament l-istorja ta’ dawn l-avvenimenti hi magħrufa u stabbilita, għalkemm l-istoriċi Maltin dejjem ikomplu jindagaw u jirriċerkaw dwar dawn l-avvenimenti importanti fl-istorja politika tal-pajjiż.

Minkejja li l-istorja ta’ x’ġara u l-postijiet huma magħrufa u stabbiliti, l-istoriċi jidher li ma jaqblux dwar in-numru ta’ Maltin li mietu f’dawn l-irvellijiet.

Hu stabbilit b’mod uffiċjali u anki kif hemm mal-monument tas-Sette Giugno fil-Belt, li l-Maltin li mietu f’dawn l-irvellijiet huma erbgħa: Manwel Attard, Ġużè Bajada, Wenzu Dyer u Karmenu Abela. Dawn l-ismijiet huma mnaqqxa wkoll fil-monument ta’ Edwards fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata – il-monument li jfakkar lil dawn il-vittmi.

Rikonoxximent mill-Parlament

Aspett importanti hu l-fatt li l-Parlament Malti rrikonoxxa li l-vittmi huma sitta u mhux erbgħa. Dan ir-rikonoxximent uffiċjali ngħata lill-Ispeaker tal-Parlament Malti Michael Frendo fid-diskors uffiċjali tas-Sette Giugno 1919 fl-2011 meta qal: “B’hekk is-sagrifiċċji ta’ tant nies fl-istorja ta’ Malta, mhux l-anqas dak suprem ta’ Manwel Attard, Ġużè Bajada, Wenzu Dyer, Karmenu Abela u magħhom Ċikku Darman u Toni Caruana, ikunu qed jingħataw tifsira li nistgħu nagħtuhom.”

Fil-paragrafu eżatt wara dan l-Ispeaker Michael Frendo jsostni li: “Lill-martri tas-Sette Giugno nsemmihom b’isimhom biex il-memorja tagħhom u isimhom jibqgħu mnaqqxin mhux biss fiż-żonqor Malti imma wkoll fil-qalb, fil-moħħ u fl-ispirtu tal-Maltin kollha.”

Din id-dikjarazzjoni tikkonferma li l-Ispeaker kien qed jirreferi għas-sitt vittmi tas-Sette Giugno u jsejħilhom “martri”.

L-istoriċi jsemmu sitt vittmi

Fost l-istoriċi u r-riċerkaturi Maltin li rriċerkaw dawn l-avvenimenti hemm il-Professur Henry Frendo, li fil-ktieb ‘Ir-rivoluzzjoni Maltija tal-1919’ jikteb hekk: “In-numru ta’ mejtin issa kien sar erbgħa. Skont il-ktieb ‘I Morti del 7-9 Giugnio 1919’ ta’ A. Scilcuna Sorge, ippubblikat biss għaxar snin wara s-7 ta’ Ġunju (1919), il-mejtin kienu b’kollox sitta. Għax tnejn oħra, Ċikku Darmanin u Toni Caruana, mietu fl-isptar ftit wara.”

Dan il-punt importanti kien trattat ukoll fil-ktieb ‘Ir-rivoluzzjoni Maltija’ ta’ Michael A. Sant, li f’Kapitlu V bit-titlu ‘Kemm mietu u ndarbu Maltin fis-Sette Giugno?’ jikkwota lil diversi storiċi li trattaw dan il-punt.

Jirriżulta li fil-fatt kien Annibale Scicluna Sorge li f’‘I Noti Maltese’ jsemmi lil Darmanin u Caruana u jispjega li “Francesco Darmanin miet fit-3 ta’ Lulju fil-manikomju b’riżultat ta’ mania acuta li żviluppat b’konsegwenza ta’ patema d’anima qawwija li sofra fi żmien l-irvellijiet popolari tas-7 ta’ Ġunju, kif jidher miċ-ċertifikat mediku ta’ Dr. F. Jaccarni. Jirriżulta li A. Caruana miet riċentament fl-Isptar Santu Spirtu, vittma tas-7 ta’ Ġunju.”

Mill-kitba ta’ Michael A. Sant jirriżulta li sas-sebgħinijiet kien aċċettat li l-vittmi kienu erbgħa, iżda fl-1977 Henry Frendo jsostni li “b’kollox mietu biss nofs tużżana”. Fl-1979 il-Professur Henry Frendo jerġa’ jsostni li kien hemm sitta mejtin u mhux erbgħa.

Il-Professur Frendo jispeċifika ċar: “…Tliet Maltin inqatlu bl-isparar nhar is-7 ta’ Ġunju (1919). Ieħor qala’ daqqa ta’ bajunetta l-għada. Tnejn oħra mietu aktar tard mill-feriti li ġarrbu matul ir-rewwixta…”.

Fl-1984 Zahra jsostni li “…L-għadd tal-mejtin kien tela’ għal erbgħa…Hu maħsub li tnejn oħra, Ċikku Darmanin u Toni Caruana mietu aktar ’il quddiem b’riżultat tal-irvellijiet…”.

Fl-1984 Galea Scannura jsemmi l-erba’ mejtin tas-soltu u jżid li “…Waqt il-ġlied imħabbel żewġ Maltin oħra ndarbu għall-mewt…”

Fl-1988 Bonnici jsostni li: “…Erba’ Maltin inqatlu waqt l-irvellijiet u tnejn mietu aktar tard mill-feriti li ġarrbu”.

Wara r-rikonoxximent mill-Parlament fl-2011

Proprju l-għada tad-diskors tal-Ispeaker Michael Frendo fl-2011, kont intervistajt lill-Professur Henry Frendo dwar iż-żewġ vittmi mhux rikonoxxuti. Il-Professur Henry Frendo jsostni li: “Ċikku Darmanin u Toni Caruana huma żewġ vittmi oħra tas-Sette Giugno li wkoll mietu kaġun tal-vjolenza li seħħet fl-irvellijiet.”

Il-Professur Frendo kien sostna fl-intervista li Caruana u Darmanin mietu b’kawża diretta ta’ dawn l-inċidenti; li ma kinux mifruxa fuq ġurnata waħda.

Meta l-Professur Frendo kien mistoqsi mill-gazzetta dwar ir-rikonoxximent tal-Ispeaker Michael Frendo, il-Professur Henry Frendo qal li bid-diskors tiegħu l-Ispeaker kien qed iressaq l-istorja aktar lejn il-poplu.

Fl-istess artiklu pubblikat fit-8 ta’ Ġunju 2011, kont intervistajt lill-Professur Ray Mangion, li kien qabel mal-pożizzjoni espressa mill-Professur Henry Frendo u esprima opinjoni favur li ż-żewġ vittmi l-oħra – Ċikku Darmanin u Toni Caruana – jiżdiedu mal-lista tal-erba’ vittmi rikonoxxuti bħala l-martri tas-Sette Giugno.

Appell

Quddiem dawn il-fatti minn diversi storiċi u quddiem ir-rikonoxximent tal-Ispeaker Michael Frendo li Francesco (Ċikku) Darmanin u Toni Caruana huma żewġ vittmi oħra tal-irvellijiet tas-Sette Giugno 1919, nappella lill-awtoritajiet biex flimkien jirrikonoxxuhom uffiċjalment. Il-kwotazzjonijiet ikkwotati f’dan l-artiklu huma kollha ppubblikati u riċerkati u fihom infushom huma dokumentazzjoni suffiċjenti li twassal għal din il-konferma.

Permezz ta’ dan l-artiklu u korrispondenza lill-Ispeaker, lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni, qed nagħmel dan l-appell issa biex jittieħdu l-passi meħtieġa biex kemm jista’ jkun malajr isiru t-tibdiliet meħtieġa biex fil-pajjiż, inkluż mal-monumenti tas-Sette Giugno, jiżdiedu l-ismijiet ta’ Francesco (Ċikku) Darmanin u Toni Caruana flimkien ma’ dawk diġà kkonfermati ta’ Manwel Attard, Ġużè Bajada, Wenzu Dyer u Karmenu Abela.

B’hekk biss inkunu qed nagħmlu ġustizzja mal-istorja, anki jekk 99 jew 100 sena wara.