Futbol Sport

Iniesta jsellem lil Barcelona b’rebħa wara karriera ta’ 22 sena mal-klabb

Andres Iniesta jsellem lill-partitarji

Andres Iniesta temm il-karriera tiegħu ma’ Barcelona b’rebħa ta’ 1-0 kontra Real Sociedad, hekk kif Barcelona kienu preżentati bir-rebħ tal-kampjonat La Liga. Il-midfielder kien ħabbar li se jispiċċa minn ma’ Barcelona ftit ġimgħat ilu wara 22 sena, u lagħab 81 minuta fil-Camp Nou qabel ma ħalla l-pitch.

Il-logħba għalqet staġun domestiku pożittiv għal Barcelona, li rebħu t-Tazza tar-Re ftit ġimgħat ilu, filwaqt li Real Sociedad temmew il-kampjonat fit-12-il post. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fis-57 minuta minn Phillipe Coutinho. Il-Brażiljan ġabar ballun minn nofs il-grawnd u sab l-ispazju biex skorja b’xutt minn madwar 20 metru.

Iniesta ħareġ għall-aħħar darba bħala plejer ta’ Barcelona fil-81 minuta, bil-partitarji preżenti kollha jċapċpu lill-midfielder. Iniesta għannaq lil kull plejer ta’ Barcelona qabel ma poġġa bilqiegħda bid-dmugħ f’għajnejh, bil-partitarji jkantaw isemmu għall-kumplament tal-logħba.