Il-kampjonat tas-Serie A ġie fi tmiemu b’mod mill-aktar drammatiku bil-konfront ta’ filgħaxija bejn Lazio u Inter jiddeċiedi min se jispiċċa fir-raba’ post u sussegwentament min se jikkwalifika għall-edizzjoni li jmiss taċ-Champions League.
Inter se jkunu qed jirritornaw fiċ-Champions League staġun ieħor wara nuqqas ta’ sitt staġuni, b’rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra Lazio. Inter riedu rebħa bilfors mil-logħba, hekk kif draw kien jikkuntenta lil Lazio.
It-tim ta’ Simone Inzaghi mar minn fuq wara disa’ minuti meta xutt ta’ Adam Marusic destinat għal barra, ħabat ma’ wiċċ Ivan Perisic u spiċċa biex daħal fir-rokna ta’ isfel tax-xibka.
Inter ġabu d-draw fid-29 minuta b’gowl ta’ DANILO D’AMBROSIO li skorja mir-rebound wara li konklużjoni tiegħu kienet salvata parzjalment minn Strakosha. Iżda Lazio reġgħu marru minn fuq fit-42 minuta b’gowl ta’ FELIPE ANDERSON li għeleb lil Handanovic b’xutt fil-baxx għar-rokna.
Ir-referee Gianluca Rocchi kien ordna penalty fit-72 minuta għal dak li deher li Sergej Milinkovic-Savic mess il-ballun b’idu. Iżda permezz tal-VAR, Rocchi dawwar id-deċiżjoni.
Madankollu fit-78 minuta Inter ingħataw penalty għal fawl ta’ Stefan de Vrij fuq Mauro Icardi. Mill-11-il metru, l-istess MAURO ICARDI għeleb lil Strakosha.
Il-logħba ħadet żvolta oħra, minuta wara meta l-captain Senad Lulic ntwera t-tieni karta safra għal fawl fuq Marcelo Brozovic. Inter skorjaw il-gowl importanti fil-81 minuta meta minn korner mil-lemin ta’ Brozovic, għola tajjeb MATIAS VECINO li b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Strakosha.
Roma temmew il-kampjonat fit-tielet post meta ħadu dak li riedu u rebħu 1-0 kontra Sassuolo. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’azzjoni mil-lemin ta’ Kostas Manolas li xxuttja, bil-ballun li ma kienx se jispiċċa fil-lasta, ikun imxellef mill-gowlkiper Gianluca Pegolo u daħal fix-xibka.
//= $special ?>