Lokali

L-ebda informazzjoni dwar is-somma li ingħatat lill-Gasol meta rtirat mill-proġett tal-powerstation

Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija Gasol, li kienet is-sieħeb ewlieni fil-proġett tal-Powerstation ta’ Dellimara, juru vojt fil-perjodu meta l-Gasol ma baqgħetx tagħmel parti mill-konsorzju ta’ kumpaniji li kien responsabbli mill-powerstation ta’ Delimara.

Rapport fil-gazzetta The Sunday Times jgħid li  l-aħħar dikjarazzjonijiet huma dawk ta’ Marzu 2015 li, iżda, ġew ippreżentati fir-Renju Unit f’Settembru 2017. Fil-perjodu ta’ bejn Marzu 2015 u Settembru 2017 il-Gasol kienet irtirat mill-konsorzju wara li ngħatat somma ta’ flus iżda d-dikjarazzjonijiet ma jurux la l-ammont tas-somma jew fejn marru dawn il-flus.

Id-dikjarazzjoni ppreżentata f’Settembru 2017 tindika li l-Gasol iritrat mill-proġett u tirreferi għal nota 30 fid-dikjarazzjoni iżda meta wieħed ifittex nota 30 isib biss spazju vojt.

Dan imur kompletament kontra l-liġi li tirregola l-kumpaniji li tgħid biċ-ċar li d-diretturi tal-kumpaniji jridu jiddikkjaraw b’mod ċar kull tranzazzjoni jew avveniment li jkun importanti għall-kumpanija.

Il-gazzetta tgħid li forsi wieħed jista’ jgħid li dan huwa żball fid-dikjarazzjoni iżda din in-nuqqas ta’ informazzjoni tieħu xejra oħra meta wieħed jiftakar l-kontroversja marbuta ma’ dan il-proġett u l-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi kien issemma fil-Panama Papers. Dan minbarra l-fatt li l-Gasol kienet biegħet l-ishma tagħha fl-Electrogas fl-istess jum li l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi fil-Panama kient trasferita għal trust fi New Zealand.

L-għada, fit-23 ta’ Lulju, rapport tal-FIAU żvelat fil-ġurnal The Times of Malta kien juri li  somma ta’ flus kienet trasferita lill-kumpanija 17 Black f’Dubaj li l-istess rapport tal-FIAU jgħid li sar biex ikunu trasferiti flus lejn il-kumpaniji li Mizzi u Keith Schmebri għandhom fil-Panama.

Dan minbarra l-fatt, tkompli tfakkar The Sunday Times of Malta, li l-kumpanija Mossack Fonseca li kienet  fiċ-ċentru tal-Panama Papers kienet il-kumpanija responsabbli mill-konsorzju li fih kien hemm il-kumpanija Gasol u kient ukoll responsabbli mill-finanzi ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.