Lokali

Manwel Mallia jirċievi mal-€100,000 mill-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet sa llum

L-eks Ministru Laburist Manwel Mallia qed igawdi minn €100,000 fis-sena sa mill-elezzjoni li għaddiet biex b’hekk issa qed jaqla’ iktar flus milli kien jaqla’ meta kien parti mill-kabinett ta’ Joseph Muscat.

Dak hekk kif Mallia ngħata sensiela ta’ ħatriet politiċi fosthom xogħol part time ta’ servizzi legali lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn jirċievi €56,000 fis-sena.

Jirċievi wkoll somma ta’ €23,000 fis-sena wara li nħatar chairman mhux eżekuttiv ta’ entità governattiva. Dan għax The Sunday Times of Malta skopriet ukoll li Manwel Mallia għandu pakkett finanzjarju ieħor, talli jokkupa kariga ta’ chairman tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.

Għal dan ix-xogħol, u kuntrarju għal dak offrut lil chairmen mhux eżekuttivi, Mallia jista’ jimpjega wkoll assistent personali kif ukoll xufier fuq bażi full time. Dan ifisser li Mallia, kull sena, igawdi wkoll minn onorarja ta’ €18,000 u €4,659 talli juża vettura tax-xogħol. Dan minbarra l-€21,000 bħala onorarja tal-membri parlamentari.

Skont l-assi kif dikjarati fil-Parlament, Mallia għandu assi li jlaħħqu valur ta’ kważi €2 miljun minn investimenti diversi u kontijiet bankarji, hu proprjetarju ta’ seba’ residenzi fosthom waħda fir-Rumanija u jaqla’ €150,000 fis-sena minn kirjiet.