Marc Marquez kabbar il-vantaġġ fil-klassifika ġenerali għal 36 punt, wara li rebaħ il-Grand Prix ta’ Franza f’Le Mans. Ir-rebħa għal Marquez kienet mgħejjuna bl-inċidenti li kellhom Andrea Dovizioso u Johann Zarco.
Marquez niżel fis-sitt post fil-bidu tat-tiġrija, hekk kif Jorge Lorenzo tela’ fuq quddiem qabel Zarco u Dovizioso. Sa tmiem it-tieni dawra, l-Ispanjol tal-Honda kien tela’ r-raba’ biex ingħaqad fil-grupp ta’ quddiemu.
Dovizioso rnexxielu jitla’ fl-ewwel post sal-ħames dawra, iżda ftit wara tilef il-kontroll biex spiċċa barra għat-tieni tiġrija konsekuttiva. Tliet dawriet wara kien imiss lil Zarco li jitlef il-kontroll biex temm it-tamiet tal-ewwel rebħa fil-Moto GP.
Lorenzo kellu vantaġġ minimu fuq Marquez, iżda bil-pass li kellu, Marquez mar fuq quddiem fl-għaxar dawra. Minn hemm u kkontrolla sat-tmiem, b’Danilo Petrucci jikseb it-tieni post wara li qabeż lil Lorenzo, bl-Ispanjol jinqabeż ukoll minn Valentino Rossi, bil-veteran Taljan jieħu t-tielet post.
Fil-klassifika, Marquez issa għandu 95 punt, segwit minn Maverick Vinales b’59 punt, Johann Zarco bi 58 punt u Valentino Rossi b’56 punt.
//= $special ?>