Lokali

Priġunieri nisa fil-ħabs ta’ kordin jilmentaw li qed ikunu trattati ħażin

Il-Qorti tordna lill-Ministru tal-Intern jinvestiga bis-serjetà ilmenti ta’ priġunieri nisa

Is-sitwazzjoni mwiegħra li jinsab fiha l-Ħabs ta’ Kordin – inkluż it-trattament xejn dinjituż li bih qed ikunu ttrattati ċerti priġunieri, fosthom priġunieri nisa – nhar it-Tlieta filgħodu ddomina l-Awla tal-Maġistrat Aaron Bugeja sal-punt li f’mument minnhom, il-Qorti ħasset li kellha tikteb lill-Ministru tal-Intern biex jinvestiga bis-serjetà l-ilmenti kontinwi tal-priġunieri fl-istess Ħabs.

Waqt għodwa li fiha kienu mressqa l-Qorti, f’kawżi separati, għadd ta’ priġunieri nisa, kien imiss il-każ li fih qed jidhru l-priġunieri Sonia Bajada u Romina Magri.

Kien hawnhekk li dawn ilmentaw mal-Qorti li fil-Ħabs ma humiex jingħataw trattament xieraq u saħansitra jkunu abbużati wkoll verbalment minn xi Uffiċjali tal-Ħabs.

Huma ilmentaw ukoll li fil-Ħabs mhux kulħadd qed jingħata l-istess trattament u li d-diskriminazzjoni li ssir fil-konfront tal-priġunieri saret l-ordni tal-ġurnata.

Iffaċċjat b’dawn l-allegazzjonijiet serji – liema allegazzjonijiet u rapporti ilhom ikunu żvelati fil-midja u fuq quddiem nett minn mill-Mument– il-Maġistrat Aaron Bugeja informa lill-partijiet li fid-dawl ta’ dan ix-xenarju, huwa jħoss li l-Qorti għandha tikteb lill-Ministru responsabbli mill-Intern u li taħtu jaqa’ l-portafoll tal-Ħabs ta’ Kordin, biex bis-serjetà jinvestiga x’qed jiġri fil-Ħabs biex dawn l-allegazzjonijiet serji jkunu mistħarrġa bis-serjetà.

Sadattant, il-familjari ta’ xi priġunieri li din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument, komplew jiżvelaw magħna kif il-probabbiltà l-kbira hi li l-Aġent Direttur Mariella Camilleri u oħrajn madwarha – bħall-Correctional Manager Saviour Lia u l-Kap tas-Sigurtà Robert Edmonson – minħabba li għandhom xamma li fil-Ħabs se tintbagħat Tmexxija ġdida, irmew ix-xugaman u qed iħallu l-bastiment jivvjaġġa għal riħu.

Din it-telqa fil-Ħabs ta’ Kordin tinħass mhux biss mill-priġunieri, imma anki mill-Uffiċjali tal-Ħabs stess li bejniethom jitkellmu kif ftit li xejn għandhom direzzjoni mit-Tmexxija tal-Ħabs u fuq kollox ħadd ma jagħtihom spalla jew widen għal dak li jgħaddu minnu matul il-ġurnata tax-xogħol tagħhom.

Il-familjari tal-priġunieri li tkellmu ma’ il-mument qalulna li saħansitra t-Tmexxija tal-Ħabs tant tassew irmiet ix-xugaman, li llum il-ġurnata hemm sitwazzjoni mill-agħar fil-kċina tal-Ħabs li anqas hi tajba biex tħejji l-ikel għall-annimali aħseb u ara kemm hi f’livell biex tipprepara l-ikel għall-priġunieri.

Is-sitwazzjoni fil-kċina tal-Ħabs hi waħda mill-aktar diżastruża u l-familjari stqarrew magħna l-preċiżi kelmiet li: “Kulħadd jirringrazzja lil Alla li sa issa qatt ma kien hemm każ ta’ food poisoning, għaliex l-istat tal-kċina faċli li jikkontribwixxi għal tali inċident.”

Naturalment, it-Tmexxija eżistenti tal-Ħabs hi konxja minn dan kollu, imma għal xi raġuni jew oħra tiġi taqa’ u tqum. Allura l-kċina qed tkompli tiddeterjora minn  jum għal ieħor.

Tajjeb wieħed ifakkar li fi żmien l-eks Direttur tal-Ħabs Paul Debattista, ir-rinnovament tal-kċina tal-Ħabs kien fost il-proġetti immedjati li kellha timbarka fuqhom it-Tmexxija tal-Ħabs. Iżda Paul Debattista ma felaħx aktar l-indħil kontinwu fil-qadi tad-doveri tiegħu; kien wasal sal-punt li hu wkoll kien kostrett jabbanduna dan il-bastiment, li minn dakinhar ’l hawn salpa waħdu u issa l-ilma dieħel fih minn kullimkien.