Lokali

Soċjetà li jimpurtaha u b’rispett lil min iddedika ħajtu għal ħaddieħor

Irrid soċjetà li jimpurtaha, li tħares il-valur tal-ħajja u li tirrispetta d-dedikazzjoni ta’ dawk il-persuni li jagħtu ħajjithom biex jipproteġu lill-oħrajn. Min-naħa l-oħra, ma rridx soċjetà fejn xejn mhu xejn.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101, fejn tenna wkoll il-viżjoni tiegħu għal Malta, b’soċjetà li jimpurtaha mill-forzi tal-ordni u b’rispett lejn il-membri tal-Korp, li jissograw ħajjithom biex jagħtu s-sigurtà lin-nies.

Adrian Delia qal li l-membri tal-Korp tal-Pulizija u l-familji tagħhom jagħmlu dan b’dedikazzjoni u b’sagrifiċċji kbar. Għaldaqstant, għandha terġa’ tingħata l-istima li tixraq lill-Korp tal-Pulizija u lill-forzi kollha tal-ordni fil-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid soċjetà li jimpurtaha mill-ħarsien tas-sigurtà, fejn jirrenja r-rispett lejn xulxin. B’hekk ma jkunx hawn aktar każijiet fejn tfal u anzjani jibżgħu joħorġu minn djarhom u hu għalhekk li s-soċjetà għandha tisma’, tifhem u tagħder, filwaqt li tagħti l-wens li dawk li huma dgħajfin fis-soċjetà.

Adrian Delia qal li jrid soċjetà li jimpurtaha u li toffri r-rispett lejn kulħadd – mill-iċken wieħed sal-anzjani u l-ħaddiema. Dan f’soċjetà li toffri għajxien diċenti lil kulħadd u li tħares l-identità tagħha.

Qal li l-anzjani għandu jkollhom is-serħan tal-moħħ li wara li jkunu għamlu ħajjithom jaħdmu, ikollhom pensjoni li biha jkunu jistgħu jirtiraw b’mod dinjituż. Bl-istess mod, il-ħaddiema għandhom jgħixu f’soċjetà li jimpurtaha u li toffrilhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin b’paga li tagħtihom għajxien diċenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Gvern jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb, bl-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni, il-ħaddiema u l-anzjani mhux qed iħossu s-‘surplus’. Spjega kif hawn ħaddiema li qed ikollhom jaħdmu ferm aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja normali. Dan filwaqt li hawn familji li qed ikollhom jgħixu fil-garaxxijiet, mingħajr servizzi bażiċi, minħabba li ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż tal-kirjiet.

Adrian Delia qal li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013 bil-wegħda li n-nies ikollhom kontijiet orħos tad-dawl u l-ilma, iżda issa qed joħroġ ċar li l-Gvern qed jisraq lill-familji. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi ta’ dawn il-famiji, jekk il-Gvern mhux lest li jagħti lura dak li qed jisraq mingħand in-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fil-Kunsill Ġenerali, il-Partit wera li qed ikun il-Partit tan-Nies u li jinsab determinat li jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies. Tenna li se jibqa’ jiltaqa’ man-nies, filwaqt li stieden lil kulħadd biex jingħaqad miegħu u l-Partit Nazzjonalista ħalli nfasslu futur flimkien.