Fernando Torres, temm il-karriera ma’ Atletico Madrid bi stil hekk kif skorja doppjetta fi draw ta’ 2-2 kontra Eibar. Torres li l-Erbgħa li għadda rebaħ l-ewwel trofew mal-klabb bir-rebħ tal-Europa league, skorja f’lasta vojta fit-42 minuta biex ħassar il-gowl tal-vantaġġ ta’ Kike Garcia.
L-Ispanjol imbagħad skorja l-gowl tal-vantaġġ mas-siegħa logħob meta rċieva mingħand Diego Costa u qabeż lill-gowlkiper avversarju biex skorja l-129 gowl mal-klabb. Ruben Pena ġab id-draw fis-70 minuta b’konklużjoni mill-isbaħ, qabel mad-difensur Lucas Hernandez tkeċċa għat-tieni karta safra. Atletico kienu diġà deċiżi mit-tieni post u spiċċaw il-kampjonat b’79 punt.
Torres hu idolu għall-partitarji ta’ Atletico. Hu tela’ mill-akkademja tal-klabb u għamel id-debutt fl-istaġun 2000/01 fl-età ta’ 17-il sena, fiż-żmien meta Atletico kienu fit-tieni diviżjoni. Hu ngħaqad ma’ Liverpool u lagħab ukoll għal Chelsea u Milan, biex f’Jannar tal-2015 reġa’ rritorna mal-klabb.
Hu kien żvela f’April li kien se jħalli lit-tim meta jiskadi l-kuntratt, minkejja li ma ħabbarx fejn se jkun qed jilgħab l-istaġun li ġej. Il-plejers libsu flokkijiet kommemorattivi ta’ Torres, li għal din il-logħba kien il-captain tat-tim, bl-iskwadra u l-istaff tekniku ttih il-gwardja tal-unur mat-tisfira finali.
//= $special ?>