Malta qed tirriskja li tinħakem mill-interessi tal-mafja jekk ma tittiħidx azzjoni u jekk l-Unjoni Ewropea tkompli tagħlaq għajnejha għal dak li qed jiġri fi gżiritna.
Din it-twissija toħroġ minn rapport tal- Fondazzjoni Caponnetto, li hi Fondazzjoni kontra l-Mafja, fl-Italja, liema rapport fil-konklużjonijiet tiegħu jiddikjara li nstabu diversi fatti dwar infiltrazzjoni tal-mafja Taljana f’interessi kummerċjali f’pajjiżna, b’mod speċjali fis-settur tal-online gaming.
Il-Fondazzjoni Caponnetto tiddikjara li jekk ma tittiħidx azzjoni immedjata, Malta qed tirriskja li tispiċċa kkontrollata minn gruppi kriminali lokali u internazzjonali.
“Jeżisti riskju reali li pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea ma jistax jaffordja,” jingħad fl-istess rapport ta’ 24 paġna li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem fejn wieħed isib ukoll lista ta’ episodji li juru b’mod ċar kif il-mafja hi preżenti u b’saħħitha f’pajjiżna.
Dan ir-rapport ikompli jibni fuq diversi rapporti oħra ppubblikat fl-aħħar jiem, fost oħrajn fuq siti tal-aħbarijiet fl-Italja, wara li sensiela ta’ investigazzjonijiet fl-Italja wasslu għas-sekwestru u arresti ta’ diversi persuni relatati mal-mafja u li kienu qed jiperaw minn pajjiżna.
Fost dawn, is-sejba ta’ infiltrazzjoni ta’ gruppi tal-mafja differenti, fosthom ‘ndrangheta, Cosa Nostra u l-Camorra, f’kumpaniji tal-gaming irreġistrati f’Malta.
L-iktar episodju riċenti seħħ jumejn ilu meta uffiċjali tal-Guardia di Finanza ta’ Crotone wettqu sekwestru b’valur ta’ €3 miljun bħala parti minn operazzjoni bl-isem ta’ Tremble fejn mill-ġdid tinstab relazzjoni bejn pajjiżna u l-grupp mafjuż ‘ndrangheta.
Wieħed minn 27 persuna investigati b’reat ta’ intermedjazzjoni għall-ġbir abużiv ta’ flus ġejjin mil-logħob online b’metodu mafjuż u bl-iskop li jaġevolaw il-klann mafjuż ta’ Arena, hu Francesco Martiradonna.
Fi Frar li għadda kien sarlu sekwestru ta’ €18-il miljun fuq diversi akkużi fosthom dawk ta’ frodi għall-istat Taljan, profitti inġusti, sħab ma’ gruppi ta’ krimini organizzata. U dan hekk kif kien imniżżel bħala s-sid tal-kumpanija tal-gaming irreġistrata f’Malta, Centurion Bet Limited.
//= $special ?>