Lokali Parlament

Il-Gvern sieket quddiem l-iskandlu tal-by-pass tal-Mellieħa…il-każ quddiem l-Ombudsman

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cuatajar qal li l-Ministru Ian Borg qed jaħrab milli jwieġeb dwar preċedent ikrah għaż-żona tal-by-pass tal-Mellieħa.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li l-Ministru Ian Borg mhux iwieġeb jekk il-karreġġjati li qed isiru fil-by-pass humiex skont il-qisien tar-regoli tat-toroq. Mhux biss huma effettwati il-karreġġjati iżda anki l-karreġġjata għaċ-ċiklisti hi effettwata.

Dan il-każ issa tressaq quddiem l-Ombudsman biex isiru l-invstigazzjonijiet meħtieġa. Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien kompliċi għax approva quddiem il-Bord tal-MEPA; inkluż il-bini tal-policy biex issa l-bini jista’ jitla’ sa tmien sulari.

Hu tkellem dwar l-iskandlu ta’ Żonqor Point, li fih il-gvern għadda l-art lill-barranin biex jiżviluppaw mostru ta’ bini. Hu semma l-Park tal-Majjistral u staqsa x’investiment sar mill-gvern f’dan il-park. Il-Gvern għandu jinvesti iktar f’dan il-park u fis-siti ta’ Natura 2000, li qed ikunu attakki bl-atteġġjament xejn dinjituż min-nies li jwettqu vandaliżmu.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-Għadira u qal li din il-bajja hi parti mill-patrimonju Malti. Il-Ministru Konrad Mizzi kien wiegħed li se ssir preżentazzjoni iżda din ma saritx waqt li l-proġett biex tikber il-Bajja tal-Għadira issa se jitħalla għal wara s-Sajf.

Hemm dubju serji jekk saritx il-konsultazzjoni meħtieġa u hemm dubju jekk il-breakwater għandux l-approvazzjoni tal-esperti. Dan minħabba l-kurrenti li hemm fiż-żona. Għandu jsir minn kollox biex il-Bajja tal-Għadira ma titlifx l-istatus ta’ Blue Flag.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jkun aħjar li jitħalla kollox kif inhu jekk se ssir il-ħsara. Bħalissa qed isir xogħol fuq numru ta’ bajjiet meta s-Sajf se jibda ftit ġimgħat oħra. Hu semma’ s-Salini u n-Naxxar u staqsa dwar l-irwejjaħ li qed jirriżultaw mill-Magħtab u mill-kanal tas-Salini. Dan hu ta’ inkonvinjent għar-residenti tan-Naxxar u tas-Salini.

Robert Cutajar tkellem dwar it-toroq u appella biex ikun hemm proċess ta’ konsultazzjoni għaliex dan ma jeżistix. Il-Gvern jiżbalja jekk iressaq liġi biex irażżan lill-kunsilli lokali. Hu semma’ l-applikazzjoni ta’ 500 appartament u vilel fiż-żona fejn kienet it-trade fair fin-Naxxar. ir-residenti għandhom isiru jafu x’inhuma d-dettalji ta’ dan il-proġett.

Robert Cutajar qal li f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan u f’San Pawl il-Baħar intefa’ terrapien fil-baħar u ilmenta mill-mod kif qed isiru l-affarijiet fiż-żona. Kien Gvern Nazzjonalista li għolla l-livell tal-kwalità tal-baħar iżda issa jidher li mhux qed jitieħdu l-miżuri biex dan jinżamm tal-ogħla livell.

Hu semma’ t-traffiku u qal li Malta għandha l-akbar żieda tas-CO2 u emissjonijiet fl-UE. Il-gvern għandu jieħu l-passi meħtiġa f’dan ir-rigward għaliex din hi sitwazzjoni diffiċli.