Lokali Parlament

Il-proġett ta’ Pembroke għandu jitwaqqaf

– Karol Aqulina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella lill-Gvern u lill-iżviluppaturi biex iwaqqfu l-proġett massiċċ li se jsir f’Pembroke.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-konsultazzjoni kellha issir xhur qabel u mhux issa li se jsir il-proġett. Hu sostna li l-komunità ta’ Pembroke qed topponi dan il-proġett li se jsir fuq art tal-gvern. Fil-konkret, ftit li xejn hemm dettalji dwar dan il-proġett massiċċ għal din iż-żona limitata.

Hu semma’ l-mina għat-traffiku li trid issir u staqsa min se jħallas għaliha. Dwar dan m’hemmx tweġibiet waqt li fil-pjani ma tissemma’ l-ebda mina.

Karol Aquilina qal li bħala soluzzjoni, l-iżviluppaturi se jħajru lill-ħaddiema biex imorru għax-xogħol bir-rota! Hu spjega li dan il-bini enormi se joħloq dell kbir fuq parti kbira f’Pembroke. L-iżviluppaturi qed isostni li dan il-bini jrid jitlesta f’sentejn bil-konsegwenza li x-xogħlijiet iridu jsiru il-ġurnata kollha.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-iżviluppaturi qed jgħidu li se jibnu batching plant fiż-żona biex jonqsu l-vetturi fiż-żona. Din hi biss mod kif l-iżviluppatur jiffranka l-ispejjeż u jitfa’ l-piż fuq ir-residenti ta’ Pembroke. Il-komunità ta’ Pembroke hi rrabjata għal dan il-proġett tant li hemm 3,500 oġġezzjoni għal dan il-proġett; li minnu se jibbenefikaw ftit nies. Dan il-proġett għandu jitwaqqaf, sostna Karol Aquilina.