Il-Qorti waqqfet l-attentat minn wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Alfred Degiorgio li pprova jwaqqaf lill-FBI milli jagħtu x-xhieda tagħhom fil-kawża dwar il-qtil tal-ġurnalista.
L-Imħallef Lorraine Schembri Orland spjegat l-attentat ta’ Degiorgio bħala wieħed fieragħ u bbażat fuq argumenti mġebbda.
Degiorgio bbaża l-argumenti tiegħu fuq il-fatt li esperti barranin kienu qed jaħdmu flimkien mal-espert tal-IT Martin Bajada, ħidma li kienet kruċjali li wasslet għall-arrest ta’ għaxra min-nies li tlieta minnhom tressqu l-Qorti akkużati bil-qtil. L-argument tal-avukat ta’ Degiorgio kien li minħabba li l-espert tal-qorti kellu fil-passat tiegħu reat kriminali, u li l-Qorti titlob li l-esperti tagħha jkollhom kondotta tajba, il-ħatra tiegħu kienet kompromessa.
L-argumenti ta’ Alfred Degiorgio ġew sfidati mill-avukat Maurizio Cordina mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali li ddeskriva din il-mossa ta’ Alfred Degiorgio bħala mossa ddisprata biex itawwal iż-żmien jew saħansitra jipprova jawaqqaf il-proċeduri fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>