Lokali Qorti

Il-Qorti tilqa’ t-talba biex 17 Black tiġi investigata

L-investigazzjoni se tkun parti mill-inkjesta li diġa' inbdiet mill-Maġistrat Ian Farrugia

L-akkużi ta’ ħasil ta’ flus permezz tal-kumpanija 17 Black għandhom jiġu investigati permezz ta’ inkjesta fil-Qorti.

Huwa dan li jirriżulta minn deċiżjoni tal-Maġistrat Francesco Depasquale li ingħatat dalgħodu wara talba li saret mid-deputat Simon Busuttil u l-MEP Nazzjonalista David Casa. It-talba għal investigazzjoni saret wara dettalji ġodda li ħarġu minn The Daphne Project, u l-emails (ritratti) li ġew ippubblikati mit-Times of Malta.

Skont dawn l-aħħar emails, il-ġurnalisti ta’ The Daphne Project qed jallegaw illi kien hemm mal-$1.6 miljun illi kienu destinati għal 17 Black – kumpanija deskritta bħala “target client” għal Hearnville u Tillgate ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Skont l-istess investigazzjoni ġurnalistika, il-flus kienu ġejjin minn commissions relatati mal-kuntratt tat-tanker tal-gass.

Dalgħodu l-Qorti ddeċidiet li fuq 17 Black m’għandiex tinfetaħ inkjesta separata, iżda l-investigazzjoni għandha tkun parti mill-inkjesta li qed imexxi l-Maġistrat Ian Farrugia – inkjesta li kien hemm tentattiv biex tiġi imblukkata mhux biss Konrad Mizzi u Keith Schembri, iżda anke mill-Prim Ministru nnifsu.

Interessanti l-fatt illi fid-deċiżjoni, il-Maġistrat Depasquale jilqa’ t-talba sabiex anke Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT jiġu investigati fuq l-akkużi relatati ma’ 17 Black.

STQARRIJA TAL-PARTIT NAZZJONALISTA

Għat-tieni darba l-Qorti kkonkludiet li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhom jiġu investigati.

Dan wara li l-Maġistrat Francesco Depasquale dalgħodu kkonferma li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati dwar allegat ħasil tal-flus, flimkien ma’ Brian Tonna u Karl Cini.

F’Lulju li għadda, il-Maġistrat Ian Farrugia wkoll kien ikkonferma li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigat. In-nies qed jistennew li l-Prim Ministru Joseph Muscat jieqaf jiddefendihom u minflok iħalli li l-investigazzjoni ssir. Dan wara li appelaw mid-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia biex din l-investigazzjoni ssir.

Id-deputat Simon Busuttil u l-MEP David Casa qalu li n-nies qed jistennew li toħroġ il-verità u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jistieden lil Konrad Mizzi u Keith Schembri sabiex iwaqqgħu l-appell li għamlu biex l-investigazzjoni ma ssirx.