Lokali

L-awtoritajiet għandhom obbligu jipproteġu siti NATURA 2000

L-għaqda mhux governattiva Nature Trust qed tappella lill-Gvern biex juri impenn politiku ikbar biex is-siti Natura 2000 jiġu protetti u mħarsa kif inhu d-dover tal-awtoritajiet.

Dan l-appell sar fi stqarrija li ħarġet it-Tnejn, hekk kif il-21 ta’ Mejju hu dikjarat bħala l-Jum Ewropew tas-Siti Natura 2000.

Fl-istqarrija jingħad li l-Gvern għandu jimmaniġġja tajjeb dawn is-siti f’Malta, li minnhom għandna  34 fuq la-rt u 14-il sit ieħor fil-baħar, apparti li ssir talba biex jiġu mgħejuna l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu biex siti Natura 2000 ikunu protetti u jitgawdew minn kulħadd.

Dan l-appell sar fid-dawl li ġie nnutat nuqqas kbir ta’ infurzar f’dawn is-siti madwar pajjiżna, waqt li f’siti b’mod speċjali marittimi l-infurzar hu kważi ineżistenti. Għalhekk isir appell biex l-awtoritajiet isaħħu l-infurzar biex b’hekk il-proġetti ta’ kosnervazzjoni jiġu sostnuti.

Nature Trust issostni li, minkejja l-impotanza ekoloġika ta’ kull sit, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom dover li jassistu fil-konservazzjoni, manutenzjoni u ħarsien tas-siti.

Madankollu tinnota kif l-uniċi siti Natura 2000 li huma mmaniġġjati tajjeb huma dawk li jinsabu f’żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tal-għaqdiet mhux governattivi. “Il-kumplament,” tiddikjara Nature Trust, “huma mmaniġġjati biss fuq il-karta, mingħajr involviment attiv tal-awtoritajiet.”

Il-21 ta’ Mejju bħala l-Jum Ewropew tas-Siti Natura 2000 kien intagħżel fl-1992 meta ġiet approvata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Abitati u l-programmi LIFE.

Din id-direttiva, flimkien mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għasafar tal-1979, kienu ffurmaw il-bażi tan-Netwerk tas-siti Natura 2000 li permezz tagħhom madwar l-Ewropa ntagħżlu diversi siti protetti madwar l-Unjoni Ewropa.