Fl-aħħar sigħat ittieħdu miżuri preventivi biex ikompli jingħalaq l-aċċess fuq il-parti msejħa west cove, f’Għar Lapsi, is-Siġġiewi.
Fi stqarrija l-Gvern ħabbar li dan qed isir bl-għan li kemm jista’ jkun tiġi mħarsa s-sigurtà tal-pubbliku minn ċedimenti li qed isiru fil-blat hekk kif xibka tal-azzar mal-blat ta’ din il-parti ta’ Għar Lapsi, li kienet ġiet installata fl-2013, iddeterjorat.
Parti minn dan kollu seħħ kawża tal-blat ta’ daqs varju li nqata’ minn mal-wiċċ u nqabad fl-istess xibka ankrata mal-blat. Fid-dawl ta’ dan tqabbdu inġiniera li kienu għamlu l-installazzjoni tax-xibka biex janalizzaw il-qagħda tal-blat u tax-xibka.
Wara din iż-żjara ġie konfermat li l-ankoraġġi (structural bolts) kienu għadhom fi stat tajjeb iżda x-xibka tal-azzar jeħtieġ tinbidel u minflokha għandha teħel xibka tal-istainless steel bil-għan li kemm jista’ jkun idum ma jerġa’ jkun hemm il-ħtieġa li tinbidel. L-esperti rrikonoxxew li l-għerien u l-medda tul il-west covehuma esposti ħafna għall-erożjoni.
Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, intaħaq ftehim mad-ditta Taljana Geomont SRL bil-għan li l-ewwel tinqala’ x-xibka tal-azzar li hemm fuq il-post u jitneħħa l-blat kollu li tul il-medda ta’ ħames snin inqala’ minn mal-wiċċ tal-blat. Wara se tiġi installata xibka protettiva tal-istainless steel.
F’kummenti lil dan l-istazzjon, is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li fl-aħħar jiem esprimiet it-tħassib tagħha mal-awtoritajiet li l-bajja tkun magħluqa f’dan iż-żmien tas-sena, meta jibdew jinżlu ħafna nies u jkun mistenni nfluss ħafna ikbar meta jibew l-vaganzi tas-Sajf tat-tfal. Is-Sindku qalet li lkoll naqblu li s-siġurtà għandha tingħata priorità iżda qed tappella lill-awtoritajiet, biex mingħajr dewmien, jinstabu l-fondi u jsir l-investiment fuq x-xbieki. B’hekk il-Bajja tkun tista’ titgawda mill-familji Siġġiwin, Maltin u turisti matul is-Sajf li ġej.
Alessia Psaila Zammit qalet ukoll li kienet insistiet mal-Gvern li tinħareġ stqarrija hekk kif jibda jsir il-fencing u dan ghaliex il-pubbliku kellu dritt ikun jaf għaliex il-Gvern kien qed jgħalaq il-Bajja u li hemm periklu.
Fl-istess żona fl-aħħar jiem sar investiment mill-Awtorità tat-Trasport f’parti mit-triq ta’ Lapsi u din l-ġimgħa se jibda l-investiment mill-Kunsill Lokali biex tibda titwaqqa’ u tinbena latrina ġdida. Hemm ukoll pendenti mal-Awtorità tal-Ippjannar applikazzjoni mill-Kunsill Lokali biex isir tisbiħ fil-Park ta’ Lapsi.



