Futbol Sport

Tislima xierqa lil Andrea Pirlo fi tmiem il-karriera

Andrea Pirlo fi tmiem il-partita (Ritratt: EPA)

Andrea Pirlo ngħata tislima xierqa għal tmiem il-karriera tiegħu, f’partita ta’ ħbiberija ta’ lussu organizzata apposta biex tonora l-karriera tal-midfielder Taljan. Il-partita ntlagħbet bejn diversi plejers ta’ klassi li lagħbu ma’ Pirlo f’xi parti mill-karriera tiegħu. Il-plejer Taljan lagħab maż-żewġ timijiet, u fl-aħħar minuti kien mibdul proprju mit-tifel tiegħu Nicolo.

Il-logħba bejn White Stars u Blue Stars intemmet fi draw ta’ 7-7, partita li nisslet nostalġija lid-dilettanti tal-futbol. Blue Stars ħadu vantaġġ doppju kmieni fil-logħba minn Andriy Shevchenko u Fabio Quagliarella. Alexandre Pato naqqas id-distakk, iżda Antonio Cassano reġa’ skorja għal Blue Stars.

Christian Vieri skorja t-tieni gowl għat-tim tal-bojod wara passaġġ intelliġenti ta’ Pirlo, u wara li Cafù għamilhom 4-2, Pato reġa’ naqqas id-distakk. Madankollu Clarence Seedorf assigura li t-tim tiegħu jidħol 5-3 fil-vantaġġ fil-ħin tal-mistrieħ.

Christian Brocchi u Luca Toni dehru li se jagħtu rebħa faċli lit-tim tal-blu, iżda daħal fix-xena l-attakkant Filippo Inzaghi li skorja tripletta fl-aħħar kwarta, b’Matri jiskorja l-gowl l-ieħor għal draw ta’ 7-7.