Il-Kap tal-Mercedes Toto Wolff qed jistenna li l-Mercedes ikunu wara l-Ferrari u r-Red Bull fil-Grand Prix ta’ tmiem il-ġimgħa f’Monaco. Is-sena l-oħra, Mercedes sabuha diffiċli f’Monaco, u Wolff jemmen li l-mod kif inhu mibni ċ-ċirkwit jista’ jkun ta’ detriment għall-karozza tagħhom.
“Ir-Red Bull huma b’saħħithom fil-kantunieri t-tqal u fejn il-veloċità fid-dritta huma anqas importanti. Ix-xogħol tagħna hu li nimmassimizzaw il-potenzjal tal-karozza.”
Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton jinsab 17-il punt fuq Sebastian Vettel tal-Ferrari, wara li rebaħ l-aħħar żewġ tiġrijiet fi Spanja u l-Ażerbajġan. Iżda r-rebħa dominanti li Hamilton kellu f’Barcelona, waslet wara tliet tiġrijiet diżappuntanti u rebħa f’Baku permezz ta’ sfortuna ta’ Valtteri Bottas.
Ferrari kienu l-aktar veloċi fil-Bahrain, fiċ-Ċina u l-Ażerbajġan filwaqt li l-Mercedes kellhom vantaġġ notevoli fil-bidu tat-tiġrijiet fl-Awstralja u Spanja. “L-ewwel doppjetta tal-istaġun f’Barcelona kienet importanti. Il-karozza kienet veloċi, b’attenzjoni lejn it-tyres u ż-żewġ sewwieqa kienu pożittivi dwar il-bilanċ fil-karozza.”
Wolff kompla li huma mhux qed jaħsbu dwar żvolta għaliex qal li kellhom kollox favurihom. Hu kompla li qed ikunu kawti fuq il-previżjonijiet tagħhom f’Monaco. Ferrari ddominaw f’Monaco s-sena l-oħra, b’Vettel jirbaħ qabel Kimi Raikkonen.
Red Bull ukoll qed jistennew li jkunu b’saħħithom, b’Daniel Ricciardo jittama li jpatti għad-disfatta tal-2016 meta kien hemm żball fil-waqfa għat-tyres. Din is-sena wriet li Red Bull għandhom karatteristiċi li jistgħu jkunu kompetittivi f’Monaco.
//= $special ?>