Futbol Sport

Unai Emery viċin li jsir manager ta’ Arsenal

Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li Arsenal se jaħtru lil Unai Emery bħala l-manager il-ġdid tal-klabb din il-ġimgħa. Emery li ħalla lil Paris Saint Germain dan ix-xahar, kien f’Londra lbieraħ għal diskussjonijiet mal-Gunners.

L-Ispanjol ta’ 46 sena mexxa lil PSG għar-rebħ tat-tripletta domestika dan l-istaġun, iżda l-kuntratt tiegħu ma kienx imġedded mill-Pariġini u kien mibdul minn Thomas Tuchel.

L-eks midfielder ta’ Arsenal Mikel Arteta kien qed jissemma b’insistenza li seta’ jinħatar manager ta’ Arsenal iżda jidher li lbieraħ inqata’ mit-taqtigħa. Fl-Ingilterra hu mifhum li Arteta ried assikurazzjoni dwar l-irwol li se jkollu fis-suq tat-trasferimenti, qabel ma jasal fi qbil li jsir il-manager tal-klabb.

Arteta li għandu 36 sena bħalissa hu kowċ ma’ Manchester City, ried ukoll garanzija fuq il-plejers li jinbiegħu biex il-klabb ikun jista’ jinvesti, hekk kif jidher li l-budget tal-klabb hu ta’ madwar €60 miljun. L-eks kowċ ta’ Barcelona Luis Enrique jidher li talab l-istess garanziji.