Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Zlatko Dalic inaqqas l-iskwadra tal-Kroazja għal 24 plejer

L-iskwadra proviżorja tal-Kroazja tnaqqset minn 32 għal 24 plejer, biex b’hekk fadal biss jonqos plejer ieħor qabel id-data finali tal-4 ta’ Ġunju. Fost l-aħħar għażliet li saru, ma kienx hemm sorpriżi bl-aktar plejers rinomati kollha jinsabu fl-iskwadra.

Il-Kroazja tinsab fi Grupp D mal-Arġentina, in-Niġerja u l-Iżlanda. Huma se jilagħbu partita ta’ ħbiberija kontra l-Brażil fit-3 ta’ Ġunju f’Anfield u kontra s-Senegal fit-8 ta’ Ġunju f’Osijek. “Irridu żewġ plejers ta’ kwalità f’kull pożizzjoni u nara lill-attakkant versatili Mandzukic imexxi l-attakk għaliex dik hi l-pożizzjoni naturali tiegħu,” qal Dalic.

Il-kowċ Kroat qal li ma jistax jagħmel lil kulħadd kuntent iżda t-Tazza tad-Dinja mhux iż-żmien jew il-post biex isiru bidliet kbar. Hu saħaq li ddeċieda li joqgħod fuq plejers li jaf x’inhuma u ftit plejers ta’ demm ġdid.

Xi ħadd mid-difensur ta’ 21 sena Duje Caleta jew il-midfielder ta’ 26 sena Filip Baradaric hu mistenni li jibqa’ barra mill-iskwadra. Iżda t-tnejn ikunu magħżula, jekk id-difensur ċentrali Vedran Corluka jonqos li jirkupra minn injury li għandu.

“Nittama li jlaħħaq fil-ħin biex ikun fiżikament tajjeb għaliex tkun tad-dwejjaq jekk le, iżda ma nistgħux nieħdu okkażjonijiet biżżejjed,” qal il-kowċ ta’ 51 sena.

Wara li waslu sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, il-Kroazja naqset li tavvanza għall-fażi tan-knock-out fl-aħħar tliet dehriet tagħha fil-kompetizzjoni. Il-Kroazja tibda l-impenji fit-Tazza tad-Dinja fis-16 ta’ Ġunju kontra n-Niġerja.

L-iskwadra ta’ 24 plejer sa issa hi:

Gowlkipers: Danijel Subasic (Monaco), Lovre Kalinic (Gent), Dominik Livakovic (Dinamo Zagreb)

Difensuri: Vedran Corluka (Lokomotiv Moscow), Domagoj Vida (Besiktas), Ivan Strinic (Sampdoria), Dejan Lovren (Liverpool), Sime Vrsaljko (Atletico Madrid), Josip Pivaric (Dynamo Kijev), Tin Jedvaj (Bayer Leverkusen), Matej Mitrovic (Bruges), Duje Caleta-Car (Red Bull Salzburg)

Midfielders: Luka Modric (Real Madrid), Ivan Rakitic (Barcelona), Mateo Kovacic (Real Madrid), Milan Badelj (Fiorentina), Marcelo Brozovic (Inter), Filip Bradaric (Rijeka)

Attakkanti: Mario Mandzukic (Juventus), Ivan Perisic (Inter), Nikola Kalinic (Milan), Andrej Kramaric (Hoffenheim), Marko Pjaca (Schalke), Ante Rebic (Eintracht Frankfurt)